Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, tkellem dwar kif il-Kabinett tal-Ministri approva skema biex issir ġustizzja ma’ iktar ħaddiema.
Meta kien qed jitkellem fiż-Żejtun,il-Prim Ministru fakkar kif fl-aħħar sentejn bdew jingħataw ħlasijiet lill-eluf ta’ ħaddiema, fosthom eks ħaddiema tax-xatt, eks ħaddiema tal-korpi u n-nies li kienu jaħdmu ma’ dirgħajn il-Maltin. Fisser kif meta sar hekk persuni oħra lmentaw bil-każ tagħhom u għalkemm legalment jista’ jkun m’għandhomx raġun,il-gvern iħoss li għandhom raġun morali.
Fost dawn hemm nies kienu fil-korpi u marru mat-Telemalta u nies tal-gas board fost oħrajn.
Il-Prim Ministru spjega li proċess li ilu għaddej madwar sena,kkonkluda li dawn il-ħaddiema ħaqqhom ukoll li jibbenefikaw minn skemi ta’ dan it-tip. Skemi li huma possibbli għax il-pajjiż għandu surplus.
Il-Prim Ministru tkellem dwar il-bidla li saret f’Malta.
Fakkar kif jekk sa seba’ snin ilu kont tistaqsi lill-poplu x’kienet il-prijorità tiegħu kien jgħidlek ix-xogħol u l-kontijiet tal-enerġija. “Kumbinazzjoni llum, il-Kummissjoni Ewropea toħroġ statistika ta’ fejn huma l-ogħla kontijiet tad-dawl fl-Ewropa kollha. Aħna writna l-ogħla kontijiet fl-Ewropa kollha,” spjega l-Prim Ministru.
“Illum il-Kummissjoni Ewropea ħarġet statistika li qalet li l-Maltin qed iħallsu r-raba’ l-inqas kontijiet fl-Ewropa kollha. Li kien għal ħaddieħor għadna l-ogħla b’kontijiet li kienu se jiżdiedu darba, darbtejn, tlieta… għax kellhom sistema falluta maż-żejt li jniġġeż u jħammeġ,” qal il-Prim Ministru.
Fakkar kif li kieku ma bdilniex id-direzzjoni,kieku llum il-Maltin u l-Għawdxin qed iħallsu kontijiet ogħla. Il-Prim Ministru fakkar kemm l-oppożizzjoni opponiet il-kontijiet saħansitra fl-Unjoni Ewropea, bil-Kummissjoni Ewropea tibgħat l’hemm lill-Partit Nazzjonalista. “Li kieku rnexxiet xi waħda minnhom, kieku llum il-poplu Malti għadu qed iħallas kontijiet għoljin ferm,” sostna Joseph Muscat.
Żied li wieħed kien jistenna li jekk il-messaġġ ma ħaduhx fl-2013,kienu joħduh fl-2017. Tkellem kif meta kkampanja biex isir kap, il-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li mhux se jkun negattiv. Iżda fl-ewwel test elettorali ħadem bil-kontra.
“Ġie l-ewwel test elettorali tiegħu u ilna xahar nisimgħu negattività. Jekk huma negattivi, negattivi jkollna ngħidulhom. Aħna minflok qed nikkampanjaw fuq messaġġ ta’ pożittività,” tenna l-Prim Ministru li qal li sal-aħħar ġurnata jridu jkunu kompliċi ma’ nies li jridu jirrepetu nofs veritajiet u xejn korretti lejn pajjiżna.
“Il-logħob politiku li jsir minn xi wħud nagħrfuh ukoll,” tenna Joseph Muscat li reġa’ nnota kif l-Oppożizzjoni togħrok idejha kull darba li xi ħadd jgħid xi ħaġa kontra Malta. “Allura għażla waħda għandna, nhar is-Sibt li ġej noħorġu nivvotaw għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista,” qal Joseph Muscat li tenna li l-poplu ma jridx negattività, imma l-poplu jrid ikun jaf fejn nistgħu naslu flimkien. Il-Prim Ministru tkellem dwar kif il-gvern se jibqa’ viċin in-nies.
“Għandna enerġija li ġejja mill-imħabba li niltaqgħu magħha kull fejn immorru. Kull Belt u kull raħal fejn in-nies jgħidulna minn dak li għaddejin. Mit-tajjeb u l-ħażin. L-ikbar preġju li għandu dan il-gvern hu li se jibqa’ gvern man-nies u tan-nies. Li nisimgħu l-familji tagħna minn xix għaddejin u nkunu aħna li ninbidlu biex naraw il-bżonnijiet tal-familji tagħna,” qal il-Prim Ministru.