Il-Valletta Design Cluster qed jieħu l-forma. B’investiment li hu stmat li se jaqbeż id-€9miljun qed tiġi rrestawrata l-biċċerija l-antika fil-Belt, biex fost l-oħrajn isservi ta’ inkubatur għal żgħażagħ li huma ġodda fl-industrija kreattiva, partikolarment fid-disinn – stilisti, periti, graphic designers, u iżjed.
F’konferenza indirizzata mill-Ministru Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia u ċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef, intqal kif minkejja li x-xogħol f’din il-binja għadu għaddej, din iż-żona tal-Belt – li kienet mitluqa ferm – qed terġa’ tieħu r-ruħ, b’benefiċċji ċari għar-residenti tal-madwar.
Barra minn hekk intqal kif din il-binja se tinkludi wkoll ġnien pubbliku fuq il-bejt, li se jkun aċċessibbli għall-pubbliku.
Kien spjegat kif min-nefqa totali, madwar €5 miljun ġejjin minn fondi Ewropej.