Il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella għamlu żjara uffiċjali lid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Huma kienu milqugħa mid-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef.
Tul iż-żjara tiegħu fid-Dar tal-Providenza, il-President u s-Sinjura Vella kellhom laqgħa mar-residenti u l-istaff tad-Dar. Wara żjara fil-kappella u Mużew ta’ Monsinjur Azzopardi, il-President iffirma l-ktieb tal-viżitaturi. Huwa kellu wkoll l-opportunità li jara proġetti siewja li saru, fosthom il-pixxina terapewtika, ċentru agrikolu, music room, kif ukoll kmamar multi-sensorjali u l-gym tal-istess Dar.
Din iż-żjara, li niżlet tajjeb ħafna kemm mal-istaff kif ukoll mar-residenti nfushom, hija turija tal-impenn li jiġu involuti nies mis-spettru sħiħ tas-soċjetà u jiġi apprezzat il-kontribut tagħhom, filwaqt li jiġu mismugħa l-aspirazzjonijiet u bżonnijiet tagħhom.
Ritratt: Kevin Abela – DOI