F’diskors li għamel waqt attività politika tal-Partit Laburista mal-Prim Ministru Joseph Muscat fiż-Żebbuġ Għawdex, il-Kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Robert Micallef qal li l-Partit Nazzjonalista tilef il-vokazzjoni Ewropea u qed jipproponi politika tal-ħitan li tista’ xxekkel l-investiment barrani.
Robert Micallef qal li fil-25 ta’ Mejju se ssir elezzjoni importanti għall-futur ta’ pajjiżna u, fid-diskors tiegħu spjega kif qiegħed idur madwar Malta u Għawdex jispjega dawn ir-raġunijiet.
Robert Micallef qal li qabelxejn fil-Parlament Europew jgħaddu liġijiet li jolqtu direttament lill-poplu Malti u Għawdxi u għaldaqstant neħtieġu rappreżentanti kompetenti u ppreparati biex jantiċipaw il-bżonnijiet tal-Maltin u Għawdxin.
Skont Robert Micallef, il-pajjiż jeħtieġ Membri tal-Parlament Ewropew li jiddefendu l-isem ta’ Malta u jaħdmu għal opportunitajiet ekonomiċi u soċjali għal Maltin u l-Għawdxin kollha.
Fid-diskors tiegħu, Robert Micallef spjega li bil-vot fil-25 ta’ Mejju għandna l-opportunita li nagħmlu għażla dwar li-futur ta’ pajjiżna. Irridu nagħżlu bejn min għandu strateġija ċara u soda dwar kif ninvestu fil-futur ta’ pajjiżna b’viżjoni għat-tul u bejn min iħares biss sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. Għażla bejn min jaħdem bla qies biex joħloq opportunitajiet ekonomiċi għal pajjiżna permezz ta’ investiment lokali u barrani u min qiegħed ibeżża’ bil-barranin.
Bejn min kapaci jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi għal futur ta’ pajjiżna u min joqgħod biss fuq x’qed jgħidu s-sondaġġi. Bejn partit magħqud fil-Gvern immexxi min Prim Ministru li għandu track record b’saħħtu ta’ suċċess ekonomiku u kap tal-oppożizzjoni mingħajr viżjoni jew strateġija.
Robert Micallef fisser permezz tad-diskors tiegħu l-istrateġija li qed joffri l-Partit Laburista għal futur ta’ Malta u Għawdex. Huwa qal li din l-istrateġija hi bbażata fuq investiment fl-infrastruttura li toħloq klima serja għall-investiment; l-innovazjoni u l-ħolqien tax-xogħol f’setturi ġodda kif ukoll l-inklużjoni soċjali biex il-ġid ekonomiku li qed jinħoloq jitqassam b’mod ġust u ħadd ma jaqa lura.
Robert Micallef spjega kif din I-strategija tinkludi lill-Għawdex fil-qofol tagħha. Għawdex irridu nagħmluh mudell ta prattika tajba u flok nibqgħu nitkellmu dwar kif għawdex se jlaħħaq ma malta għad jigi żmien metà nitkellmu dwar kif il-kumplament ta’ Malta se jkollha tlaħħaq mar-ritmu tat-tkabbir f’Għawdex. Robert Micallef qal li Għawdex jeħtieg mudell ekonomiku sostenibbli bbażat fuq servizzi, teknologija u innovazzjoni u ħolqien ta’xogħol cutting edge dejjem b’rispett tal-ambjent naturali.
Skont Robert Micallef, il-konnettività hi parti min din il-viżjoni u permezz tad-diskors tiegħu sellem lill-Gvern għal kuraġġ li qed juri bil-pjanijiet dwar il-link permanenti.
Robert Micallef tema id-diskors tiegħu billi qal li dejjem mexxa ’l quddiem l-interessi ta’ Malta u Għawdex fil-ħidma tiegħi mal-istituzzjonijiet Ewropew u b’mod partikolari meta serva lil Malta b’ħidma diplomatika f’ Brussel fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u beħsiebu jpoggi l-interess ta’ pajjiżna bħala prijorità fil-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew dejjem jekk ikollu l-fiduċja tal-elettorat.
Robert Micallef qal li beħsiebu jaħdem b’mod partikolari fil-Parlament Ewropew favur iktar fondi Ewropej, favur iktar opportunitajiet ekonomiċi u soċjali, favur l-istatus uffiċjali tal-lingwa Maltija u ser ipoġġi dejjem l-ewwel l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha mingħajr ma jħares lejn kuluri.