Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia flimkien mal-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà Chris Agius ippresedew waqt l-iffirmar ta’ memorandum of understanding bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (DPĊ) u l-Awtorità tal-Ippjanar, li jwassal għall-ftehim sabiex l-istess Awtorità tal-Ippjanar toħroġ fondi sabiex tinxtara turntable ladder, vettura li titfi nirien f’bini għoli. Matul din il-konferenza stampa ġiet ukoll inawgurata turntable ladder oħra li nxtrat minn fondi nazzjonali b’valur ta’ madwar €500,000, u li jlaħħaq sa massimu ta’ 32 metru. Bħala tradizzjoni, it-turntable ladder ġie mbierek minn Patri Diego tal-lokalità tax-Xemxija.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-inawgurazzjoni u l-ftehim tal-lum jagħmel parti mill-pjan ħolistiku ta’ seba’ snin li ħa jkompli jsaħħaħ id-DPĊ. Huwa qal li flimkien mad-Direttur tad-DPĊ kienu impenjati sabiex jiġu identifikati siti fejn jistgħu jinbnew iktar stazzjonijiet tat-tifi tan-nar f’siti ċċentralizzati u li jkunu anti-sesmiki f’każijiet ta’ diżastri naturali. Il-pjan jinkludi wkoll it-tibdil fil-flotta tal-vetturi, immodernizzar ta’ apparat, tisħiħ fir-riżorsi umani, u taħriġ kontinwu għall-uffiċjali fost oħrajn. Dan it-tibdil ħa jwassal sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jkun aktar prottett u sikur. Il-Ministru Michael Farrugia qal kif uħud mill-ħaddiema tad-DPĊ ingħataw taħriġ fl-użu tat-turntable ladder, u issa se jkunu qed iwasslu dan it-tagħrif lill-kollegi tagħhom fi ħdan id-dipartiment.
Il-Ministru Michael Farrugia saħaq li d-DPĊ ser ikompli jinvesti fit-tibdil tal-flotta ta’ vetturi sabiex dejjem ikun aġġornat u ippreparat għal ċirkustanzi li jistgħu jinqalgħu. Huwa qal li d-DPĊ ser ikomplu jinvestu f’turntable ladders, liema ammont ser ikun qed jitla’ għal għaxar vetturi fejn ser jinxtraw erba vetturi li jlaħħqu 22 metru, erba’ vetturi oħra li jlaħħqu 32 metru, vettura li tilħaq sa 60 metru, u vettura oħra li tlaħħaq sa 70 metru. Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu sabiex jinġiebu dawn il-vetturi. Huwa rringrazzja wkoll lill-Awtorità tal-Ippjanar tal-inizjattiva tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg saħaq li s-sigurtà tan-nies tibqa’ dejjem prijorità u faħħar lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tal-ħidma importanti li jwettaq għall-ġid komuni, kif ukoll l-entitajiet l-oħrajn li jikkontribwixxu għas-sigurtà tan-nies, fosthom il-pulizija u l-uffiċjali tal-infurzar ta’ Transport Malta. Huwa faħħar lill-Awtorità tal-Ippjanar tal-inizjattiva li jiffinanzjaw €600,000 favur dan it-tagħmir bħala parti mir-responsabilità soċjali korporattiva tagħhom, u qal li kull ċenteżmu minn dawn il-flus huwa denju għax dan huwa investiment fis-sigurtà kollettiva.
“Nemmen li importanti li dejjem nagħmlu ħilitna biex naraw li dawn id-dipartimenti jkunu attrezzati biex dejjem jimxu ma’ dak li hu kurrenti, favur sigurtà dejjem aktar imtejba. Inħares ’il quddiem għal aktar ħidma favur aktar sigurtà fis-settur tal-bini. Fost l-oħrajn nistenna li tiġi ffinalizzata l-analiżi tal-konsultazzjoni pubblika biex titwaqqaf il-Malta Construction and Building Authority li fost tibdil ieħor se tkun qiegħda tara kif ittejjeb is-sigurtà kontra n-nirien u l-istabilità tal-istrutturi. Inkomplu naħdmu favur aktar serħan il-moħħ u nkomplu ninvestu f’aktar faċilitajiet bħal dawn,” għalaq il-Ministru Ian Borg.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Agius qal li l-Awtorità tal-Ippjanar iddeċidiet li tisponsorja l-akkwist ta’ tagħmir speċjalizzat li għandu jintuża mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. It-tagħmir jikkonsisti f’M32L Turntable Ladder. Is-sellum għandu jiffaċilita l-aċċess għal bini għoli għal salvataġġ. Dan l-isponsorjar huwa parti mill-impenn tal-Awtorità tal-Ippjanar għar-responsabilità soċjali tal-kumpaniji, bi tweġiba għal bini li qed jiżdied u li qed jiġi żviluppat fil-gżejjer Maltin. Il-kunsill eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar approva l-allokazzjoni totali ta’ € 600,000 għal din l-inizjattiva.