Minn tal-inqas ħamsa u sittin immigrant tilfu ħajjithom ’il barra mill-kosta tat-Tuneżija, wara li d-dgħajsa li kienu fuqha nqalbet.
Sostniet dan l-Agenzija għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-UNHCR, filwaqt li żiedet tgħid li sittax-il immigrant ieħor ġew salvati, li ttieħdu lejn il-kosta mill-Awtoritajiet Navali Tuneżini.
Il-Ministeru tad-Difiża Tuneżin sostna li hekk kif waslet l-aħbar dwar l-inċident, minnufih inbagħtet dgħajsa tal-forzi navali għas-salvataġġ.
Dawk li rnexxielhom isalvaw mill-għarqa ġew ikkwotati jgħidu li d-dgħajsa telqet minn Zuwara fil-Libja nhar il-Ħamis, u nqalbet minħabba mewġ għoli li sabu ma’ wiċċhom.
Il-UNHCR qalet li fl-ewwel erba’ xhur tas-sena, madwar mija u erbgħa u sittin persuna tilfu ħajjithom fi triqithom mil-Libja għall-Ewropa.