Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ippresedew waqt il-preżentazzjoni u t-tberik ta’ ħames żwiemel ġodda li ġew mixtrija għat-taqsima tal-Kavallerija f’ċerimonja fil-Belt Valletta.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-erba’ żwiemel u d-debba nxtraw mill-Irlanda u se jikkumplimentaw iż-żwiemel li preżentament hemm fil-Kavallerija. Iż-żwiemel il-ġodda qed jitħarrġu kuljum fid-dixxiplini ta’ remount training, crowd control u obedience.
“Ftit tax-xhur ilu tlaqna b’impenn biex kemm jista’ jkun insaħħu l-forza tal-Kavallerija u b’hekk illum se nkunu qed inbierku dawn il-ħames żwiemel ħalli jissieħbu maż-żwiemel preżenti, jiġu mħarrġa u eventwalment jieħdu post uħud miż-żwiemel li se jirtiraw mis-servizz”, qal il-Ministru Michael Farrugia.
Il-Ministru rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu biex jinġiebu ż-żwiemel f’pajjiżna u lil dawk li ta’ kuljum jaħdmu fi ħdan il-Kavellerija. Ferħilhom għat-tmexxija impekkabbli tagħhom, għall-mod kif iżommu liż-żwiemel kif ukoll għas-servizz tagħhom.
Il-Kummissarju Lawrence Cutajar qal li hu sinjal tajjeb li t-taqsimiet tal-Korp ikunu mgħammra bl-għodda kollha meħtieġa iżda s-suċċess tagħhom jiddependi mid-dedikazzjoni tal-membri. Irringrazzja lill-membri tat-taqsima tal-Kavallerija tax-xogħol u tas-sagrifiċċji li jagħmlu ta’ kuljum.
Il-Kavallerija ta’ Malta ilha mwaqqfa għall-aħħar 159 sena u fost il-qadi prinċipali tagħha tipprovdi s-servizzi tagħha fi skorti u f’ċerimonji mal-President tar-Repubblika ta’ Malta, f’okkażjonijiet speċjali u ma’ dinjitarji u ma’ kapijiet ta’ stati barranin li jżuruna. Is-sezzjoni tal-Kavallerija twettaq rondi fit-toroq Maltin biex iżżomm l-ordni fil-pubbliku u fejn ikun hemm attivitajiet tal-massa fi stadiums u fil-Korsa tal-Marsa.