Id-Deputati Nazzjonalisti Għawdxin Chris Said u David Stellini kkonfermaw il-kutrumbajsa li għamel il-Partit Nazzjonalista dwar it-twettieq tal-proġett ta’ mina bejn Malta u Għawdex.
Il-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew David Stellini kkonferma li l-Partit Nazzjonalista biddel il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proġett tal-mina bejn iz-zewġ gzejjer.
Tliet ġimgħat ilu, il-Partit Nazzjonalista vvota fil-Parlament favur mozzjoni li ressaq il-Gvern biex jitwettaq u jkun ikkonfermat l-appoġġ għal dan il-proġett.
Iżda wara li vvota favur din il-mozzjoni, Stellini qal li l-Partit Nazzjonalista għad irid jiddeċiedi jekk jaqbilx ma’ dan il-proġett li twiegħed ukoll fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
“L-ewwel joħorġu l-istudji, imbagħad issir il-konsultazzjoni imbagħad nieħdu d-deċiżjoni.”
Għal darba, tnejn, David Stellini ma ċaħadx li l-Partit Nazzjonalista mar lura mill-appoġġ għal dan il-proġett u qal li għad iridu jiddeċiedi dwaru.
“Meta jkollna l-fatti mbagħad niddeċiedu.”
Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalist Għawdxi Chris Said qal li huwa favur li ta’ link permanenti bejn iz-zewġ gżejjer, iżda bħal Adrian Delia, issa qed jgħid li jrid jara l-istudji sabiex jieħu d-deċiżjoni dwar il-proġett.
“Il-permanent link il-PN huwa favur tagħha però hemm bżonn li jkun hemm ir-rapporti kollha.”
Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru qal li huwa deċiż li dan il-proġett isir. Proġett li se jsir fuq medda ta’ snin u li jinvolvi minn tal-inqas żewġ leġislaturi biex tittejjeb il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.