Il-kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Felix Galea Busuttil tkellem fuq l-għaxar pilastri ewlenin fil-politika tiegħu, fosthom il-viżjoni tiegħu dwar l-ambjent, id-drittijiet tal-animali, l-ugwaljanza u d-drittijiet li għandu jkollu kull artist, bħala rikonoxximent tal-istatus ta’ artist.
Fi stqarrija qal li dawn il-pilastri ħarġu minn diskussjonijiet ma’ firxa ta’ nies matul dawn l-aħħar snin, kemm ilu fil-qasam kulturali u kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ ma’ nies oħra li tawh iktar motivazzjoni biex jaħdem għad-drittijiet tal-animali. Il-pilastri li fuqhom qed jibbaża l-politika tiegħu huma l-prijorità tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, drittijiet tal-animali, l-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, id-drittijiet tal-artist Malti fejn jidħol id-dritt tal-awtur, id-drittijiet ta’ ħlas xieraq għall-artisti, migrazzjoni u l-viżjoni għas-sit fejn hemm il-fdalijiet ta’ Teatru Rjal li jerġa’ jsir bini kif veru jixtieq jarah il-poplu Malti.
Felix iddiskuta kif l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli u l-animali kienu preżenti mill-bidu u dejjem kienu ta’ prijorità fl-artikli li kiteb dawn l-aħħar xhur. Spjega kif l-ugwaljanza ma tfissirx li kulħadd jingħata l-istess drittijiet ċivili jew kwoti, għalkemm wieħed irid jara l-importanza tagħhom ukoll, iżda li kulħadd ikollu l-istess opportunità li jgħix ħajtu kif jixtieq, li jiviluppa t-talenti u l-karriera tiegħu kif u kemm jixtieq u li jieħu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-familja tiegħu.
Bħala artist, ilu snin twal jissielet biex l-arti u l-kultura jkunu parti integrali fil-formazzjoni ta’ kull ċittadin speċjalment it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Hu jisħaq li kull belt kapitali għandu jkollha t-teatru tal-opera u s-sala tal-kunċerti nazzjonali tagħha. Hemm bżonn li kull artist ikollu d-dritt ta’ rikonoxximent bħal kwalunkwe xogħol ieħor fis-soċjetà.