Wara li kellha l-unur li tirrapreżenta ‘l Malta fil-Eurovision Song Contest, rebħet il-Konkors Kanzunetta Indipendenza, ikklasifikat mal-ewwel 3 kemm fl-Għanja tal-Poplu kif ukoll fil-Festival tal-Kanzunetta Maltija kif ukoll ħarġet 3 albums b’ħoss distint, Miriam Christine tista’ tgħid li kellha karriera mżewqa b’naqra minn kollox li ssolidifat postha bħala waħda mill-aqwa kantawturi f’Malta.
Għalhekk, m’għandux ‘l għala wieħed ikun sorpriż li l-kantawtriċi t’40 sena kienet lura fl-istudjow f’dawn l-aħħar xhur, tpoġġi flimkien album ta’ kanzunetti oriġinali, l-ewwel waħda minnhom Bi Ftit Kliem, li tagħha hija kitbet kemm illirika u l-mużika.
“Bdejt naħdem fuq dan il-proġett wara li missieri ħalliena, ridt li niftaħ qalbi biex jaraha kulħadd. Wara t-telfa tal-papa’ tgħallimt ħafna. Speċjalment dwar xi jfisser l-aktar fil-ħajja u x’inhu l-aktar importanti… “Bi Ftit Kliem hija l-ittra li dejjem xtaqt nikteb lil uliedi imma ma stajtx…” tgħid Miriam Christine bil-vuċi miksura. Ftit kliem li ninsab certa kull omm ħasset u xtaqet tgħid lil uliedha f’xi punt jew iehor, anke jekk il-ħajja wasslitha biex ma tghidhomx. U għalhekk…. għal dawk l-ulied kollha li jħossu li ommhom mhux hemm… kunu ċerti li ommkom tħobbkom u ħabbitkom ħafna u li dejjem għamlet l-aħjar li setgħet tagħmel.
Għalkemm assenti mix-xena tal-mużika lokali wara l-parteċipazzjoni tagħha fl-Għanja tal-Poplu 2016, Miriam Christine żammet ruħha impenjata għall-aħħar dan l-aħħar, billi ħadet sehem f’musical oriġinali “In-Naħal tal-Imħabba”, fuq kitba ta’ Philip Vella, flimkien ma’ Annabelle Vella u Dario Bezzina filwaqt li kellha bosta stediniet fuq programm tat-televixin b’rispons qawwi għall-kanzunetti oriġinali mill-katalgu tagħha.
Mgħejjun minn vidjow mużikali maħluq mill-produttriċi/direttriċi Shirley Spiteri Mintoff ta’ Motion Blur, il-kanzunetta tnediet uffiċjalment fuq it-telvixin, u fuq l-internet fis-6 ta’ Mejju, Dan kien possibbli bis-saħħa ta Ironic PR & Artist Management.
Fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin, Miriam se tkun qed tippromwovi Bi Ftit Kliem fuq it-televixin, ir-radju u anke s-siti ta’ midja soċjali, minħabba li l-interess huwa wieħed pjuttost għoli. Għal aktar informazzjoni dwar Miriam Christine kif ukoll il-kanzunetta l-ġdida, żurha fuq is-siti uffiċjali tagħha fuq Facebook, Twitter, u Instagram.