Raġel ta’ 25 sena mill-Ħamrun tressaq il-Qorti akkużat li abbuża minn tifla ta’ 15-il sena. Dan filwaqt li allegatament prova jiffabrika evidenza biex teħel bir-reat persuna oħra.
L-akkużat li jaħdem bħala technician tal-‘airconditions’ u li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti minħabba li kien f’relazzjoni mal-vittma ġie akkużat ukoll li beżża’ lill-minorenni li juża vjolenza kontriha u li kiser l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat b’serq f’Novembru li għadda.
L-ispetturi Kylie Borg u John Spiteri fil-Qorti rrakkontaw kif l-akkużat instab ukoll fil-pussess tad-droga kokaina u kannabis waqt l-arrest il-bieraħ.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieħ filwaqt li l-avukat difensur tiegħu, Alfred Abela ma’ talabx għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.