F’kastilja hemm il-ħmieġ.
Hekk iddikjarat l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola meta indirizzat lill-partitarji Nazzjonalisti.
Għax ġie elett Gvern laburista, Metsola qalet li f’Kastilja hemm il-ħmieġ u trid li jitnaddaf il-ħmieġ.
“Naddaf il-ħmieġ li għandek f’Kastilja,” qalet Metsola.
Man-negattività ta’ Roberta Metsola ngħaqad il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Fil-Kazin Nazzjonalista ta’ San Pawl il-Baħar Delia qal li l-gvern huwa ċertifikat tal-mistħija.
“Huwa Ċertifikat tal-mistħija,” qal b’mod surreali Delia.
Il-kap Nazzjonalista reġa’ nqabad imeri s-sewwa magħruf u jikkontradixxi lilu nnifsu dwar il-Kummissjoni Venezja.
F’Ottubru li għadda Adrian Delia kien qal ċar u t-tond li kien il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici li talab lill- Kummissjoni Venezja tiġi Malta u tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.
Adrian Delia kien iddeskriva l-pass tal-gvern bħala ċertifikat tal-mistħija, għax talab parir mingħand il-Kummissjoni Venezja.
Iżda, l-Ġimgħa f’San Pawl il-Baħar Adrian Delia qal li mhux vera li kien il-Ministru tal-Ġustizzja li talab lill-Kummissjoni Venezja tiġi Malta.
L-inkonsistena ta’ Adrian Delia turi biċ-ċar li jdawwar il-kliem kif jaqbillu. F’Ottubru li għadda l-Ministru kien talab lil-kummissjoni Venezja tati pariri dwar kwistjonijiet kostituzzjonali u legali dwar is-Saltna tad-Dritt f’pajjizna. Bil-Gvern diġà beda jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet.