Tlett imħallfin u tlett maġistrati ġodda ingħataw il-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tal-President fil-Belt quddiem il-President ta’ Malta George Vella wara li l-kabinett approva l-ħatra tagħhom.
Wara snin iservu fuq il-bank tal-maġistratura, l-Imħallfin Francesco Depasquale, Joanne Vella Cuschieri u Aaron Bugeja għaddew għal fuq il-bank tal-Imħallfin. Fl-istess waqt l-Avukati Nadine Lia, Victor Axiaq u Brdiget Sultana se jibdew iservu fuq il-bank tal-maġistratura.
Il-Ministru għall-ġustizzja Owen Bonnici qal li kull isem ġie approvat mill-Kumitat dwar il-Ħatriet fil-Ġudikatura magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Ombudsamna, l-Awidtur Ġenerali u l-President tal-Kamra tal-Avukati.
L-Imħallef Francesco Depasquale, li ilu jservi snin fuq il-bank tal-ġudikatura, kellu kliem ta’ ringrazzjament lejn il-Prim Ministru u l-Ministru tal-ġustizzja, tal-mizuri li ħa dan il-gvern sabiex izied l-effiċjenza fil-qrati.
“Nirringrazzjak Prim Ministru tal-fiduċja li dejjem juri fil-ġudikatura. Grazzi tal-isforz li qiegħed tagħmel biex itejjeb l-operat tal-qorti,” qal l-Imħallef Depasquale.
Minn naħa tagħha, il-Maġistrat Nadine Lia qalet li hija tilqa din l-isfida, li se tkompli taħdem fil-vokazzjoni legali u timxi b’mod ġust u ret kif dejjem għamlet fil-professjoni ta’ avukat.
“Nilqa’ din l-isfida bit-tama li nimxi bil-kuxjenza, bil-liġi u nagħmel dak li huwa sew kif dejjem għamilt bil-liġi,” fissret il-Maġistrat Lia.
Intant, l-Ħamis filgħodu id-deputati Nazzjonalisti Simon Busuttil u Jason Azzopardi prezentaw zewġ rikorsi f’isem grupp ta’ attivisti qrib il-Partit Nazzjonalista, sabiex iwaqqfu is-sitt ħatriet ġodda.
Bil-Qorti tiddeċiedi li l-ħatriet setgħu jsiru. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-gvern dejjem jirrispeta d-deċiżjoni tal-qorti, u tkellem dwar l-ipokrezija ta’ Simon Busuttil u Jason Azzopardi.
“Dr Busuttil u Dr Azzopardi kienu parti minn deputati li ivvutaw favur bidliet fil-liġi, huwa ironiku li l-bidiliet li ivvutaw favurihom ma jridu li jsiru,” qal Dr Muscat.
B’bdawn il-ħatriet ġodda, l-għadd ta’ mħallfin se jkun ta’ erbgħa u għoxrin waqt li l-għadd ta’ maġistrati se jibqa’ dak ta’ tnejn u għoxrin. Bin-nisa fil-ġudikatura huwa ta’ tlieta u ħamsin fil-mija.
Imqabbel ma’ sitt snin ilu, l-għadd ta’ ġudikanti se jkun żdied b’erbgħa. Dan meta wieħed iqies il-ħatra ta’ Lorrianne Schembri Orland bħala mħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-irtirar tal-Imħallef Silvio Meli.