L-Air Malta se tibda topera servizz skedat ta’ darbtejn fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tlieta u kull nhar ta’ Ġimgħa lejn il-gżira Balearika ta’ Ibiza, li hija magħrufa l-aktar għan-‘nightlife’ tagħha. Il-programm staġjonali tas-sajf se jibda fis-16 ta’ Awwissu u jintemm fl-10 ta’ Settembru 2019.
Waqt li kien qed jikkummenta fuq dan is-servizz ġdid, il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, il-Kaptan Clifford Chetcuti, qal, “Ibiza hija destinazzjoni mfittxija ħafna miż-żgħażagħ u hija meqjusa bħala mecca tad-divertiment, speċjalment matul ix-xhur tas-sajf. Matul is-snin operajna għadd ta’ titjiriet ‘charter’ lejn il-gżira għal aġenti u operaturi talivvjaġġar
u naħsbu li r-rotta hija matura biżżejjed biex nippruvaw titjiriet skedata staġjonali. Dan is-servizz huwa parti mill-istrateġija ta’ tkabbir tagħna biex nikkollegaw aħjar il-Gżejjer Maltin”.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi żied jgħid: “Ibiza hija rotta li ilna nħarsu lejha għal numru ta’ xhur wara li rċevejna talbiet mill-komunità lokali, partikolarment relatati max-xena tal-avvenimenti. Nistennew bil-ħerqa li nkomplu nistudjaw din ir-rotta bil-possibbiltà li l-Air Malta tinkludijha fl-iskeda tas-Sajf tagħha kull sena. ”
L-iskeda ta’ titjiriet sejra topera kif ġej (il-ħinijiet kollha lokali):
It-Tlieta u l-Ġimgħa
KM 582 Tluq Malta 13:15 Inżul Ibiza 15:10
KM 583 Tluq Ibiza 15:55 Inżul Malta 18:00
Il-Gżira Balearika affaxxinanti ta’ Ibiza hija meqjusa bħala l-aqwa destinazzjoni tad-divertiment fil-Mediterran. Il-gżira hija magħrufa sew għall-klabbs ta’ bil-lejl tagħha u fejn klabbs kbar Ewropej għandhom fergħat tas-sajf.
F’dawn jmorru DJs ta’ livell dinji li jagħmluha l-aqwa destinazzjoni għall-klabbers. Għalkemm il-gżira hija sinonima mal-parties tal-mużika elettronika, żgur li wieħed jibqa’ sorpriż meta jsir jaf li din il-ġawhra xemxija Mediterranja toffri xi ħaġa għal kulħadd, minn siti ta’ wirt dinji għal bajjiet spettakolari.
Il-belt ta’ Ibiza tista’ titqies bħala monument storiku uniku li joffri lill-viżitaturi tour uniku ta’ ċivilazzjonijiet differenti. Waqt li jkunu mexjin fit-toroq imserrpin tal-parti l-antika tal-belt, il-viżitaturi jistgħu jgawdu arkitettura medjevali impressjonanti li hija preżenti b’mod prominenti fil-Katidral l-antik u fil-Kastell rispettivament.
Il-parti l-antika tal-belt hija litteralment miżgħuda b’mużewijiet interessanti, u waqt li jiskopru dan il-post storiku, il-vjaġġaturi ma għandhomx jitilfu l-Mużew talArkeoloġija li jilqa’ fih u jippreserva artefatti antiki minn żmien il-preistorja u żmien il-Feniċi. Bil-fortizza impressjonanti u antika ħafna tagħha, il-Belt ta’ Ibiza hija mogħnija bi sbuħija storika minħabba l-influwenza ta’ kolonizzaturi li għexu f’dan il-post mill-isbaħ.
Iż-żjara ma tkunx kompluta qabel ma wieħed jesperjenza ikla Mediterranja fil-kampanja akkumpanjata minn ikel tal-lokal minn prodotti friski, żejt taż-żebbuġa, ħobż tar-raħħala u nbid lokali.
Il-klijenti issa jistgħu jibbukkjaw titjiriet fuq www.airmalta.com, billi jċemplu liċ-Ċentru Telefoniku tal-Air Malta fuq +356 21662211, mill-uffiċċju tal-bejgħ tal-Air Malta fl-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta jew mingħand Aġenti tal-Ivvjaġġar f’Malta u fi Spanja.