Il-Partit Nazzjonalista beda l-kampanja elettorali fuq sieq ħazina.
Fl-aħħar sigħat il-Partit Nazzjonalista ħareġ l-ewwel billboard tiegħu fit-toroq b’rabta mal-kampanja għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali.
Iżda dlonk ġie osservat li dan il-billboard fih żball oħxon tal-Malti. Dan meta l-kelma “togħla” nkitbet b’mod żbaljat (“tgħola”).
It-Times of Malta u s-sit Lovin malta, irrappurtaw dwar dan l-izball oħxon fil-Malti li ħa l-Partit Nazzjonalista.
F’paniku, il-Partit Nazzjonalista ħareġ is-slielem fit-toroq biex jaqla’ dawn il-billboards bl-iżball fuqhom.
Kienu bosta fuq il-midja soċjali li lemħu dan l-iżball u qalu li kien tal-mistħija u imbarazzanti kif ħadd mill-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista ma nnota dan l-iżball fil-messaġġ qabel ħarġu jtellgħu dan il-kartellun fit-toroq.
Sorsi qrib il-Partit Nazzjonalista żvelaw ma’ ONE NEWS li dan l-iżball ħoloq battibekki interni b’nies ewlenin fil-partit spiċċaw iwaħħlu f’xulxin għal dan in-nuqqas.
L-istess sorsi qalu li fil-mira ta’ din il-kritika, hemm il-Kap tal-Midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli, meqjus bħala l-id il-leminija tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
L-istess nies qalu lil Delia li dan hu l-prezz li se jħallas wara li ddeċieda li jiddawwar b’nies fi kliemhom “dilettanteski”.
Il-qiegħa kompliet tisħon fi grupp magħluq li l-Partit Nazzjonalista għandu fuq Facebook bil-messaġġi tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, li ġew illikjati lil ONE NEWS u li jikkonfermaw l-kritika li qala’ l-Partit Nazzjonalista wara dan l-izball.
Filmessaġġi llikjati bosta partitarji nazzjonalisti kitbu lil Clyde Puli – sabiex il-Partit Nazzjonalista ikun kostruttiv.
Partitarja nazzjonalista qalet li l-Partit Nazzjonalista se jagħmel l-stess kantalina.
Filwaqt li persuna oħra qalet li l-Partit Nazzjonalista ma tgħallem xejn.
Partitarja oħra qalet li l-Partit Nazzjonalia ħa jibqa jaqa għaċ-ċajt.
Partitarju ieħor kiteb kif iddejjaq bl-stess diska mill-Partit Nazzjonalista. U lil Clyde Puli qallu li n-nies iridu proposti.
Izda lil dan il-partitarju wieġbu Clyde Puli f’messaġġ li wkoll ġie illikjat. Jekk in-nies kienu qegħdin jistennew xi proposti mill-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli kiteb kif il-partit nazzjonalista f’din il-kampanja se jkun qiegħed jikkritika.
Clyde Puli iġġustifika l-izball oħxon li ħa l-partit nazzjonalista billi qal li l-Partit Nazzjonalista għandu ħafna diffikultajiet.
Lil Clyde Puli weġbitu l-eks kandidata tal-Partit Nazzjonalista Ingrid Brownrigg, f’messaġġ ieħor illikjat.
Brownrigg, persuna qrib Adrian Delia, ukoll ħarġet tikkritika lill-Partit Nazzjonalista fil-magħmudija tal-kampanja.
“Clyde Puli assolutament ma naqbilx ma din l-istrateġija.” Kitbet Brownrigg, li fissret li jekk il-Partit Nazzjonalista se jkompli jeqred b’din l-istrateġija mhux se jiġbed nies lejh.
Kompliet – li l-poplu xebgħa jisma n-negattività.
Qalet li Partit Nazzjonalista beda b’kampanja qarrieqa, mhux edukattiva u tad-dwejjaq.
Filwaqt li qalet li qiegħda tħoss in-nuqqas tal-Partit Nazzjonalita ta’ qabel.
Intant, waqt li l-Partit Nazzjonalista kien fuq is-slielem jaqla’ l-ewwel billboards li kien għadu kif ħareġ fit-toroq, lanqas laħqu għaddew sagħtejn li fit-toroq ma tfaċċatx it-tweġiba tal-Partit Laburista.
“Sorry…. sibna żball ieħor.. Flimkien għal kontra pajjiżna”.
Messaġġ ironiku li juri l-imbarazzament tal-Partit Nazzjonalista għall-iżball fl-ewwel billboard tal-kampanja, fejn esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista spiċċaw iwaħħlu f’denb xulxin għal dan ix-xogħol fi kliemhom dilettantesk.