Matul l-elfejn u tmintax, id-dentisti fid-Dipartiment tad-Dentistrija fl-Isptar Mater Dei, għamlu bejniethom kważi ħamsin elf intervent.
Aktar minn ħmistax-il elf każ kienu nies li daħlu b’emerġenza. Eluf oħra sarulhom operazzjonijiet, dentaturi, u mili tas-snien fost l-oħrajn.
Dan kollu sar f’sena kkaratterizzata minn numru ta’ azzjonijiet industrijali, iżda x-xahar li għadda ntlaħaq qbil bejn il-Minsiteru tas-Saħħa u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin biex fil-jiem li ġejjin jiġi ffirmat ftehim settorjali ġdid li se jissarraf f’kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għad-dentisti, u aktar servizzi lill-pazjenti.
F’intervista ma’ ONE News, iċ-chairman kliniku Dr. Kevin Mulligan spjega li bil-ftehim ġdid, l-ispeċjalizzazzjonijiet fid-Dipartiment li jmexxi se jiżdiedu għal ħamsa.
Dan hekk kif bħalissa hemm żewġ speċjalizzazzjonijiet – il-kirurġija fil-ħalq, u speċjalisti fil-braces.
Qal kif “Il-ħsieb huwa li minflok dawn it-tnejn biss – li se jibqgħu ovvjament – in-numru ta’ speċjalizzazzjonijiet jiżdiedu possibilment minn tnejn għal ħamsa fejn tidħol id-Dental Public Health, il-patoloġija tal-ħalq u tal-head and neck u f’restorative dentistry ngħidulu jiġifieri għad-dentisti li jispeċjalizzaw fir-reconstruction tas-snien.”
Dan se jwassal biex il-pazjenti jingħataw iżjed appuntament ħalli jonqsu l-listi ta’ stennija li akkumulaw fl-aħħar xhur.
Qal kif “L-iktar intervent li hemm nies jistennew huma c-check-ups. Għaliex? Għax aħna niccaterjaw għall-pajjiż kollu u kulħadd huwa intitolat għal check-up b’xejn l-isptar, u r-raġuni għax żdiedu l-waiting lists daqshekk hija two fold. Waħda minħabba l-azzjonijiet ovvjament u t-tieni għax over the years in-numru ta’ dentisti l-isptar gradwalment naqas minn sena għall-oħra.”
Konxji minn dan il-bżonn, il-Ministeru tas-Saħħa u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin raw li l-ftehim milħuq iwitti t-triq għal aktar żgħażagħ li għad iridu jidħlu fil-professjoni biex ikollhom iżjed fejn jimirħu.
Spjega kif “Min jixtieq li jkollu karriera li jew twassal għal speċjalizzazzjoni jew biex jitħarrġu aħjar jidħlu l-isptar u jibdew il-karriera minn hawnhekk għax is-sectoral agreement il-ġdid li għandna mal-unjin qed jiccaterja għal hekk biex ikollhom karriera aħjar u fl-aħħar mill-aħħar biex il-pazjent jinqeda aħjar.”