Robert Micallef issottometta n-nomina tiegħu bħala kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se ssir fil-25 ta’ Mejju. In-nomina tal-eks negozjatur tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea rċeviet l-appoġġ tal-Professur Oliver Friggieri li kiteb ittra ta’ appoġġ biex jirrakkomanda l-kandidatura ta’ Micallef.
Fi stqarrija, Robert Micallef qal li kien ta’ unur li rċieva l-appoġġ tal-Professur Friggieri, personalità li tissimbolizza l-għaqda fil-pajjiż u li kkontribwixxa immens għall-identità nazzjonali ta’ Malta u l-artikolazzjoni tagħha barra l-pajjiż. Micallef iddikjara li beħsiebu jieħu ispirazzjoni minn Friggieri u, jekk jiġi elett, jaħdem bla qies biex jiżgura li r-reputazzjoni ta’ Malta tkun irrispettata u salvagwardjata madwar l-Ewropa.
Robert Micallef iddikjara li, jekk jingħata vot ta’ fiducja mill-elettorat f’Mejju, huwa jwettaq id-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew b’dinjità u jippromwovi dejjem l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
“Beħsiebni nuża l-esperjenza professjonali tiegħi fi Brussell mal-istituzzjonijiet Ewropej u bhala diplomatiku Malti biex nikkontribwixxi sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet li l-aħjar jikkorrispondu mal-prijoritajiet ta’ Malta u Għawdex. Nemmen li l-Parlament Ewropew m’għandux ikun spazju ghall-battalji partiġġjani imma pjattaforma biex noħolqu opportunitajiet soċjali u ekonomiċi għal kulħadd ”- Robert Micallef
Robert Micallef għandu esperjenza estensiva ta’ xogħol mal-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE għal bosta snin. Huwa kien impjegat bħala ekonomista mal-Kummissjoni Ewropea u kien editur tal-istħarriġ tal-Eurobarometru Huwa ħadem bħala konsulent fil-Parlament Ewropew u, fis-snin riċenti, serva bħala diplomatiku Malti fi Brussell.
Matul il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea, Robert Micallef ippresieda formazzjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mexxa n-negozjati mal-Parlament Ewropew. Robert Micallef huwa fundatur tal-Forum Żgħażagħ Laburisti u ex Segretarju Ġenerali taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej. Studja l-politika u l-ekonomija fl-Università ta’ Oxford u kompla jispecjalizza permezz ta’ iktar studji f’Boston, Parma u Grenoble.