Il-Luqin dalgħodu qed jiċċelebraw bi ħġarhom il-festa ta’ Kristu Rxoxt.
Propju dalgħodu mijiet ta’ Luqin inġabru bi ħġarhom ħdejn il-knisja ta’ San Andrija ħalli jaraw l-istatwa artistika ta’ Kristu Rxoxt xogħol l-iskultur Adonai Camilleri Cauchi. Din hi t-tieni darba l-Irxoxt xiref ‘il barra mill-knisja ta’ Ħal Luqa f’jum l-Għid il-Kbir.
Jakkumpanjaw l-istatwa hemm iż-żewġ soċjetatijiet mużikali f’Ħal-Luqa.
B’differenza minn sena ilu l-istatwa ħarġet bil-kulur wara li sarilha xogħol estensiv biex l-Irxoxt Luqi issa jidher fil-glorja iktar minn qatt qabel.
Bosta Luqin li tkellmu ma’ one.com.mt esprimew is-sodisfazzjon u l-kburija li issa għandhom statwa artistika u glorjuża ta’ Kristu Rxoxt.
Intant fin-Naxxar qed issir ukoll il-purċissjoni bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt magħmulha minn Alfred Camilleri Cauchi: xogħol fl-injam. Il-purċissjoni tkun akkumpanjata mill-Banda Peace tan-Naxxar li ilha takkumpanja l-istatwa sa mill-bidu tat-tradizzjoni fin-Naxxar.
Bħal-lum il-knisja tkun imlibbsa bid-damask aħmar wara li fil-Ġimgħa Mqaddsa titneżża’ mid-damask iswed; waħda mill-ftit knejjes li għadha tintrama hekk.
Il-purċissjoni tiġi fi tmiemha f’nofsinhar fejn imbagħad tingħata l-barka u jitbierku l-figolli mill-Arċipriet u kappillan tal-Ordni, Dun David Gauci.