Raġel ta’ 24 sena minn Ħal Tarxien ġie arrestat wara li prova jsuq għal fuq Pulizija fil-Ħamrun. Iż-żagħżugħ, li jiġi l-kuġin ta’ Liam Debono, hu magħruf sew mal-Pulizija. Sorsi qalu lil ONE News li ż-żagħżugħ twaqqaf mill-Pulizija minħabba l-ħġieġ tinted tal-karozza tiegħu tat-tip Mistubishi. Jidher li uffiċjal tal-Pulizija pprova jitfilu l-karozza, madankollu dan qabad u saq bil-konsegwenza li laqat mutur tal-Pulizija u tefgħu mal-art. Fortunatament, ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.
Iż-żagħżugħ allegatament irrifjuta wkoll li jikkopera mal-Pulizija. Il-każ seħħ fi Triq il-Kbira San Guzepp fil-Hamrun għall-ħabta tat-3:30pm.
Intant, sorsi qalu ma’ ONE News li dan iż-żagħżugħ hu l-istess persuna li biegħ il-karozza lil Liam Debono. L-istess karozza li permezz tagħha Debono alleagatament pprova joqtol lill-Uffiċjal tal-Pulizija Simon Schembri f’Mejju tas-sena l-oħra. Debono kien qal mal-Pulizija li kien dan iż-żagħżugħ li kien tah il-karozza.
Iż-żagħżugħ qed jinżamm arrestat mill-Pulizija, u mhux eskluż li jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin mixli fost oħrajn b’attentat ta’ ferita gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Pierguido Saliba mis-Sezzjoni tat-Traffiku flimkien mal-Ispettur Matthew Galea mid-Distrett.
Ara wkoll:
http://www.one.com.mt/2019/04/20/guvni-arrestat-wara-li-prova-jsuq-fuq-pulizija-2/