Għal darb’oħra kellu jkun il-Gvern li jagħti widen lir-residenti, lill-ħaddiema u lin-negozjanti ta’ San Pawl il-Baħar biex jibda xogħol fuq sbatax-il triq li tħallew fi stat ta’ telqa kbira mill-Kunsill Lokali li fl-aħħar ħames snin kien ikkaraterizzat minn riżenji, ġlied u konflitti interni.
Minkejja li l-kunsill kellu l-fondi meħtieġa, qatt ma ħa azzjoni u kellu jkun intervent tal-Gvern biex jibdew ix-xogħlijiet.
Dan minbarra xogħol ieħor li sar f’toroq oħra fil-lokalità bħal Triq it-Turisti u Triq Għawdex, filwaqt li dalwaqt jibda x-xogħol fi Triq San Pawl. Toroq li kellhom isiru minn kunsill Nazzjonalista, iżda li baqgħu ma sarux.
Mistoqsi minn ONE News dwar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Triq Isouard, waħda mit-toroq li bdew isiru t-Tnejn, id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar waħħal f’kunsilli preċedenti għall-fatt li ma saret l-ebda triq taħt kunsill Nazzjonalista.
“Kunsill Nazzjonalista ħa kunsill mimli dejn,” qal Robert Cutajar.
Iżda għall-kuntrarju ta’ dak allegat, ix-xogħol ma sarx minħabba t-tmexxija ħażina mill-eks-Sindku Graziella Galea.
Tmexxija li wasslet għal diżgwid intern u r-riżenji ta’ tliet kunsillieri Nazzjonalisti.
Iżda b’mod surreali Cutajar waħħal f’kunsilliera tal-Partit Laburista għal dan id-diżgwid bejn kunsillieri Nazzjonalisti.
“Kien hemm kunsilliera ġejjin mill-Partit Laburista li fixklu l-operat tal-kunsill lokali,” qal il-kelliem tal-Oppożizzjoni.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Toni Bezzina kkritika x-xogħlijiet li qed isiru bl-intervent tal-Gvern.
“Ħalla kollox għall-aħħar u beda’ kollox f’daqqa,” qal Toni Bezzina.
B’reazzjoni, il-Parit Laburista qal li jgħid x’jgħid il-Partit Nazzjonalista, ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar jafu li l-Gvern kellu jintervjeni biex isolvi t-telqa fit-toroq li ħalla l-Kunsill Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar.
Qal li dan kien kunsill iddominat mir-riżenji u diżgwid intern bejn il-kunsillieri Nazzjonalista li l-enfasi ntilfet għalkollox minn fuq il-ħidma li kien hemm bżonn.
Dan wassal biex anke jekk il-gvern qed jagħmel mill-ġdid it-toroq tal-pajjiż kollu fehem li r-residenti ma setgħux jistennew iktar. Għalhekk qal li intervjena b’mod immedjat anke jekk San Pawl il-Baħar għandu kunsill bi tmexxija nazzjonalista.
Sostna li dan juri li l-gvern ma jħarisx lejn kuluri u jġib l-ewwel u qabel kollox l-interess tar-residenti.