Għaddej ġmielu l-istampar tal-voti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali f’Mejju li ġej. B’kollox qed jiġu stampati aktar minn 800,000 dokument tal-vot.
Dan il-proċess – li beda l-Ġimgħa wara nofsinhar, qed isir fl-istamperija tal-Gvern u mistenni jkun lest il-ġimgħa d-dieħla biex nhar it-Tnejn 22 t’April jibda t-tqassim tal-voti bieb bieb.
Is-Sibt filgħodu, ONE News bakkar fl-istamperija tal-Gvern fejn segwa d-diversi stadji li minnhom jgħaddi d-dokument tal-vot. Għall-ewwel darba r-ritratt fuq id-dokument tal-vot qed jiġi stampat bil-kulur.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt spjega li l-voti qed jiġu stampati fuq karti speċjaliżati li nġiebu minn barra u kull dokument qed jinkesa bi plastik apposta għal aktar sigurezza.
Qal li d-dokumenti “qed jiġu stampati fuq karta sintetika, li hi karta stampata apposta. Fuqha ġew stampati wkoll diversi ‘security features’ kemm min-naħa ta’ wara u anke min-naħa ta’ quddiem”
Iż-żewġ dokumenti tal-vot, tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, se jkollhom karatteristiċi differenti biex jintagħrfu.
Is-Sur Louis Gatt spjega li : “Dawk tal-Kunsilli Lokali se jkun kanella fuq wara, u fuq in-naħa ta’ quddiem se jkollhu miktub ‘Elezzjonijiet Kunsilli Lokali 2019’, taħt ir-ritratt se jkollhu wkoll ‘KL 2019’. Filwaqt li dawk tal-Parlament Ewropew se jkollhu kulur griż fuq wara, u fuq wara se jkollhu miktub ‘Parlament Ewropew 2019’ u taħt ir-ritratt ‘PE 2019”
Id-dettalji fuq id-dokument tal-vot qed jiġu stampati skont ir-reġistru elettorali msejjaħ ‘rolling register’. Gatt spjega li :
“Kull bidla li saret sat-8 t’April hija riflessa fir-reġistru elettorali l-ġdid. Jekk hemm xi ħaġa li mhux taqbel mar-reġistru elettorali l-ġdid, l-uniku mezz hu li tagħmel rikors il-qorti.”
Id-dokumenti tal-vot qed jiġu stampati taħt is-sorveljanza ta’ rappreżentati miż-żewġ partiti politiċi.