Notifiki

25,000 ġew bżonn sodda fl-Isptar Mater Dei bejn Jannar u Marzu

L-istaġun tax-xitwa ta’ din is-sena kien fost l-aktar beżlin għall-Isptar Mater Dei. L-elf sodda li hemm fl-isptar ewlieni f’pajjiżna ntużaw minn eluf ta’ pazjenti matul dan l-istaġun.

Biss biss, fl-ewwel tliet xhur tas-sena, kien hemm kważi ħamsa u għoxrin elf pazjent li ġew bżonn sodda fl-Isptar Mater Dei.

Huwa d-Dipartiment imsejjaħ Bed Management Unit li jieħu ħsieb il-proċess metikoluż fejn jidħol l-immaniġjar tas-sodod għal kull pazjent f’kull sala.

In-Nursing Manager Scicluna spjega li din ix-xitwa kellhom jintużaw ukoll is-sodod tad-Day Care Unit kif ukoll dawk fid-Dipartiment tal-Inċidenti Maġġuri.

Scicluna qal kif “Huwa Unit li kien intenzjonat l-iktar għall-Major Incidents Unit imma ħassejna li fiż-żmien tax-Xitwa peress li l-admissions kienu eskalaw b’mod iktar mis-soltu ħassejna l-bżonn li dan il-unit nużawh.”

Dan id-Dipartiment jikkonsisti f’numru ta’ infermiera u nies klerikali. Kull filgħodu jaħdmu biex ikollhom stampa ċara tal-bżonnijiet partikolari ta’ kull pazjent li jkun qed jistenna sodda.

Spjega  kif “Nieħdu lista tal-pazjenti kollha u nibdew induruhom ward ward billi tmur nurse fuq il-post u naraw xi problemi għandhom, pazjenti li jridu jiċċaqalqu b’mod immedjat, pazjenti oħra li għandhom bżonn trattament jew monitoring speċjali.”

Il-pazjenti li jkollhom bżonn sodda fl-Isptar Mater Dei jaqgħu taħt tliet kategoriji.

Dawk fl-emerġenza li jidħlu u jarawhom it-tobba fid-Dipartiment, pazjenti li jkollhom proċedura ppjanata, u dawk li jissejħu direct admissions. Pazjenti li jkunu rawhom konsulenti fl-Outpatients u jiddeċiedu li jinżammu l-isptar għal aktar kura jew testijiet.

Is-Sur Scicluna li l-ħidma fid-Dipartiment li jmexxi hija kontinwa, u fl-aħħar xhur imxiet minn proċessi fuq il-karta għal dawk teknoloġiċi.

Qal kif “Fl-uffiċċju għandna screens li juruna l-pazjenti kollha li jkunu preżenti l-Emerġenza, f’liema stadju jkunu waslu kif ukoll ikollna lista ta’ pazjenti li tiġi updated il-ħin kollu ta’ pazjenti li jkunu jridu jiġu admitted fil-wards.”

B’dan il-mod qed jinżamm rekord aktar aġġornat tal-proċessi kollha f’Mater Dei. Din hija biss parti mill-ħidma ta’ ristrutturar f’kull Dipartiment fl-Isptar bil-għan li l-pazjent jinqeda aħjar u l-professjonisti jaħdmu b’aktar effiċjenza.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend