“Apparti li għandhom jiġu organizzati l-elezzjonijiettal-Parlament Ewropew,ir-Renju Unit għandu jikkommetti li jibqa’ jirrispetta l-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera biex tkun ikkonsidrata estensjoni oħra”. Dan, skont il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Dr Helena Dalli, huma l-kundizzjonijiet li l-Gvern Malti qed jinsisti dwarhom fid-dibattitu dwar jekk ir-Renju Unit għandux jingħata estensjoni oħra.
Il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali fil-format ta’ 27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, iltaqa’ biex iħejji għall-Kunsill Ewropew Straordinarju li se jsir l-Erbgħa 10 ta’ April wara li fil-21 ta’ Marzu il-mexxejja qablu li r-Renju Unit għandu jingħata estensjoni sat-22 ta’ Mejju biex jirratifika l-Arranġament tal-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea jew f’każ li dan ma jiġix approvat mill-Commonsjippreżenta pjan biex jiġi kkunsidrat mill-mexxejja sat-12 t’April.
Il-Ministru Dalli rrimarkat li għalkemm in-negozjati li għaddejin bħalissa bejn il-partiti fir-Renju Unit huwa sinjal inkoraġġanti, jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tagħmel kundizzjonijiet u tinsisti li dawn jiġu rispettati biex tingħata estensjoni oħra.
Il-Kunsill iddiskuta wkoll il-Qafas Multiannwali Finanzjarju għas-snin 2021-2027, l-elezzjonijiet Ewropej kif ukoll diskussjoni dwar is-Sostenibbilità tal-Unjoni Ewropea sas-sena 2030.
Dwar il-Baġit Ewropew, partikolarment fuq il-Fondi ta’ Koeżjoni il-Ministru Dalli saħqet fuq l-importanza li l-ebda reġjun tal-Unjoni Ewropea m’għandu jaqa’ lura u dwar il-bżonn li jibqa’ jsir l-investiment meħtieġ fir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministru Dalli qalet li m’għandux ikun hemm tnaqqis fil-fondi ta’ Koeżjoni, aktar minn dak li qed tipproponi l-Kummissjoni Ewropea. Il-Ministru Helena Dalli tkellmet ukoll dwar il-Politika Agrarja Komuni u saħqet li din il-politika trid tipprovdi għixien xieraq lill-bdiewa tagħna. Hija nnutat li din il-politika kif inhi mhux tajba għal bdiewa Maltin peress li ma tikkunsidrax ċ-ċokon tal-pajjiż u tas-settur.