Fl-aħħar siegħat id-Dwana għamlet qabda ta’ 24 kilo droga kokaina f’kontejner fil-Port Ħieles.
Din il-qabda saret minn fuq bastiment li kien ġej mill-Amerka t’Isfel fi triqtu lejn Tirana fl-Albanija.
Huwa stmat li din id-droga għandha calur fis-suq ta’ madwar €2.7 miljun. B’kollox kien hemm 20 pakkett ta’ droga. Il-qabda saret permezz tal-iscanner tad-Dipartiment tad-Dwana fil-Port Ħieles, fejn wara saret ukoll tfittxija mill-uffiċjali.
Il-każ għadda f’idejn il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ kontra d-Drogi, filwaqt li nfetħet inkjesta Maġisterjali.
Id-Dwana qalet li l-operazzjoni tat-Tlieta hija xhieda tal-kollaborazzjoni kbira bejn id-Dipartiment tad-Dwana, il-Pulizija u l-awtoritajiet fil-Port Ħieles. Qalet li din il-kollaborazzjoni qed tkompli tikkonferma lill-Port Ħieles bħala wieħed mill-iżjed portijiet siguri.
Din il-qabda saret f’anqas minn 48 siegħa minn qabda oħra ta’ aktar minn 91 kilo droga kokaina fil-Port Ħieles b’valur ta’ aktar minn €10 miljuni.