Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia wieġeb lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, għall-akkużi li d-deputati Nazzjonalisti Kristy Debono u Hermann Schiavone qegħdin jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista.
Dan f’mument ieħor fejn kompliet toħroġ fid-deher il-qasma interna fil-Partit Nazzjonalista, bejn il-fazzjoni ta’ Adrian Delia u l-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Jason Azzopardi attakka lid-deputati nazzjonalisti Kristy Debono u Hermann Schiavone, malli ġie irrappurtat mit-Times, li kellhom laqgħa l-Ġimgħa li għadda ma’ Yorgen Fenech, li fl-aħħar xhur l-Oppożizzjoni allegat li kien is-sid tal-kumpanija 17 black.
Il-ġurnalisti stennew lil Adrian Delia joħroġ mill-Palazz tal-President sabiex jisaqsuh il-mistoqsijiet. Izda Delia pprova jaħrab u jinjora l-preżenza tal-ġurnalisti, billi baqa’ miexi lejn il-karozza li kienet qed tistennih barra.
Skomdu jwieġeb Adrian Delia, iddefenda lid-deputati Kristy Debono u Hermann Schiavone, tnejn mill-ftit d-deputati leali lejn Delia.
Adrian Delia wieġeb għad-dikjarazzjoni li għamel Jason Azzopardi fuq il-midja soċjali. Delia qal li Kristy Debono u Hermann Schiavone m’għamlu xejn ħazin.
“M’għamlu xejn ħażin,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Iżda Jason Azzopardi u esponenti mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil jaħsbu li b’għemilhom Debono u Schaivone qegħdin jagħmlu ħsara kbira lil Partit Nazzjonalista. Dan anki għax għandhom l-akkuża li qegħdin jaħdmu minn wara dahar il-grupp parlamentari Nazzjonalista.