31 perit fosthom 13-il mara ingħataw il-warrant waqt ċerimonja fil-Ministeru għall-Infrastruttura u Proġetti Kapitali.
Ryan Grech wieħed mill-periti l-ġodda stqarr ma’ ONE News li għażel li jispeċjalizza fil-konservazzjoni ta’ binjiet storiċi minħabba l-potenzjal li jeżisti f’dan is-settur.
“hawn Malta hawn ħafna potenzjal f’dak il-qasam għax għandna ħafna bini ta’ valur storiku li fih elementi li kważi kważi huwa uniku għalina bħala pajjiż u ċertu żvilupp li qed iġib miegħu ż-żmien bħala pajjiż li miexi ‘l quddiem, naħseb li hemm ħafna potenzjal li dawn il-binjiet jiġu salvati,” qal il-Perit Grech.
Il-Ministru Ian Borg qal lill-periti l-ġodda li l-liċenzja ġġorr magħha responsabbiltà li qed jagħtihom l-istat sabiex iġorruha magħhom tul ħajjithom. Qal li l-binjiet qed jinbidlu l-istess kif qed jinbidel min jgħix fihom u għaldaqstant, jridu jaraw li jżommu aġġornati.
Qal li hawn kunsens li biex il-pajjiż ikompli bir-ritmu ekonomiku li qabad, irid ikompli jikber u qal li l-periti għandhom irwol kruċjali f’dan kollu.
Il-Ministru Borg qal li l-periti għandhom isegwu x-xogħol mhux biss waqt l-istadju tal-kostruzzjoni iżda matul il-ħajja ta’ kull binja. Ħsieb li dwaru tkellem magħna wkoll il-Perit Ryan Grech.
“Naħseb illum il-ġurnata meta l-irwol ta’ perit qed jinqasam u jiġi speċjalizzat f’ħafna oqsma differenti, naħseb li l-ippjanar u site management huwa importanti ħafna biex jinħoloq inqas inkonvenjent għall-pubbliku u għan-nies tal-madwar għax illum il-ġurnata tħares fejn tħares hawn l-iżvilupp għaddej, naħseb pero nistgħu nħarsu lejha b’mod pożittiv għax il-fatt li qed jinħolqu xogħlijiet u hekk,” stqarr il-Perit.
Il-Ministru Borg stqarr li l-periti għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jaħsbu f’ideat ġodda biex xogħolhom iwassal għal kunċetti innovattivi li jistgħu jikkontribwixxu għas-suċċess kontinwu tal-pajjiż.