Lassibe Souleymane, immigrant ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju, nqatel b’tir ta’ arma tan-nar f’rasu waqt li żewġ immigranti oħra ndarbu b’tir kull wieħed f’sieqhom sparat fid-direzzjoni tagħhom minn persuna f’karozza li kienet qed tinstaq qrib iċ-ċentru tal-immigranti f’Ħal Far.
L-isparaturi seħħew tard is-Sibt filgħaxija fi Triq tal-Ġebel f’Ħal Far, limiti ta’ Birżebbuġa. Triq li tinsab bejn l-għelieqi bi ftit residenzi matulha. ONE News hu nfurmat li t-tlett irġiel huma kollha Afrikani u jgħixu fiċ-ċentru miftuħ tal-immigranti f’Ħal Far.
Kien għall-ħabta tal-23:00 tas-Sibt filgħaxija, li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm raġel ferut fi Triq tal-Ġebel f’Birżebbuġa.
Malli l-Pulizija waslet fuq il-post u kkonfermat ir-rapport, sabet li ftit il’ bogħod sabet raġel ferut ieħor. Informazzjoni li għaddiet f’idejn il-Pulizija wasslet biex saret sejba oħra ta’ raġel maqtul u mixħut mal-art.
Wieħed miż-żewġt irġiel midruba kien għal xi ħin fil-periklu tal-mewt iżda l-kundizzjoni tiegħu qalbet għall-aħjar. L-ieħor sofra biss ġrieħi ħfief. Iż-żewġt irġiel jidher li huma mill-Guinea u l-Gambia.
Sorsi qalu li kien wieħed mill-vittmi li ċempel u għarraf lill-Pulizija bl-isparaturi hekk kif ħassu jintlaqat minn tir f’siequ minn karozza ta’ lewn abjad li kienet qed tinstaq fid-direzzjoni ta’ Birżebbuġa. L-istess sorsi qalu li t-tlett irġiel nstabu f’distanza ’l bogħod minn xulxin bl-aktar sejba makabra tkun ta’ Lassibel li nstab mixħut għal tulu fl-art f’għadira demm.
Intant, Triq l-Ġebel, hija t-triq li tgħaqqad lil Birżebbuġa maż-żona industrijali ta’ Ħal Far, fejn jinsab iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Filfatt ONE News hu nfurmat li din it-triq tintuża ħafna mill-immigranti biex miċ-ċentru miftuħ imorru għaċ-ċentru ta’ Birżebbuġa u lura.
Minnufih il-Pulizija għalqet it-triq kollha biex ma tiġix ikkontaminata x-xena tar-reat. Minħabba x-xita li niżlet matul il-jum kellha tintrama tinda sabiex l-investigaturi mgħejjuna mill-Pulizija mit-Taqsima Forensika setgħu jippriservaw x-xena tar-reat, filwaqt li ssoktaw l-investigazzjonijiet biex jifmhu d-dinamika tal-każ. Kmieni waranofsinhar ONE News seta’ jinnota kif l-uffiċjali forensiċi bdew jelevaw xi oġġetti minn garaxx fl-istess triq.
Il-motiv wara dan l-omiċidju għadu mhux magħruf, b’sorsi jgħidu li f’dan l-istadju għadu kmieni wisq biex il-pulizija tibda tiddetermina x’seta’ wassal għal dan il-qtil. Nifhmu wkoll li matul il-jum il-Pulizija elevat għadd ta’ filmati minn kameras tas-sigurta’ bil-għan li tasal għall-vettura u eventwalment għall-qattiel u possibilment għall-kompliċi tiegħu li ħarbu minn fuq il-post.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello. L-Investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Ispettur Melvyn Camilleri mill-Għassa taż-Żejtun, u l-Ispettur Keith Arnaud mill-Iskwadra tal-Omiċidji.
Dan huwa t-tieni omiċidju u t-tielet persuna li nqatlet din is-sena wara l-qtil doppju tal-omm u l-bint f’Ħal Għaxaq li dwaru l-Pulizija xliet lil iben u l-ħu l-vittmi.