Il-lokalità taz-Zejtun qamet f’atmosfera ta’ festa sabiex tiċċelebra dan il-jum storiku għal pajjiżna, hekk kif wieħed minn ħdanha nħatar fl-ogħla kariga tal-pajjiż.
One News sebaħ mal-familja tal-President George Vella, fir-residenza privata tagħhom fiż-Żejtun, qabel ma ħa l-ġurament tal-ħatra.
Għall-ħabta ta’ disgħa ta’ filgħodu, il-President George Vella u martu Miriam inġabru flimkien mat-tliet uliedhom George Patrick Vella, Claire Cuschieri u Elaine Scicluna u s-seba’ neputijiet, sabiex jaqsmu flimkien dan il-jum speċjali.
Bi tbissima fuq fommu, iżda eċċitat, il-President George Vella qalilna li qiegħed jgħix f’ħolma li minnha għaraf ir-rispett tan-nies għas-servizz li ta lill-poplu tul il-karriera tiegħu.
“Dejjem proud għad-dover li għamilt man-nies. Is-sinifikat, qiesni qiegħed ngħix f’ħolma konxju tar-responsabilitajiet pero i’m looking fwd. Ma kinitx faċli biex niddeċiedi imma once li ddeċidejt se nagħmel l-aħjar li nista’.”
Viżibbilment eċċitata u emozzjonata, mart il-President is-Sinjura Vella fissret magħna kemm hi u wlieda huma kburin bil-President George Vella. Qasmet magħna wħud mill-esperjenzi li sawru l-karriera ta’ żewġha. Karriera li dejjem zammitu qrib in-nies. Bis-Sinjura Vella qalet li anki f’din l-ogħla kariga tal-pajjiz iridu jibqgħu qrib il-poplu malti.(SHOT 22_01)
“Nispera li bl-għajnuna ta’ alla jagħtina saħħa nibqghu close man-nies. Aħna dejjem konna man-nies għax George dejjem kien man-nies.”
Il-koppja Vella ilhom miżżewwġin wieħed u ħamsin sena. Matul is-snin is-Sinjura Vella għenet ħafna lil żewġha fil-karriera tiegħu, u issa wkoll se tkun spalla ma’ spalla miegħu fil-qadi ta’ dmirijiet.
“Għentu ħafna iva, fejn stajt dejjem għentu. Nispera li nibqa’ ngħinu.”
Bint il-President ta’ Malta Claire Cuschieri, kburija b’missierha, li bil-qalb tajba tiegħu dejjem ġab l-interess tan-nies qabel kollox.
“Nispera li dak li għamel mal-pazjenti tiegħu jagħmel issa ma’ Malta u Għawdex kollu. Qatt ma stennejt li se nkun eċċittata hekk.”
In-neputijiet tal-President ta’ Malta, David Cuschieri u Michela Scicluna qalu li huma kburin bin-nannu tagħhom u tawh ħajr ta’ kulma jagħmel magħhom.
“Kburi u li nara lin-nannu kuntent hija l-aqwa ħaġa. Nemmen li l-esperjenza politika tiegħu se tgħinu ħafna.”
Qabel telaq mid-dar li ilhu jgħix fiha snin twal, il-President sellem lil Carmen Mizzi li ilha seftura magħhom sitta u għoxrin sena. Imbikkma, hija tatu tgħanniqa kbira qabel ma ħalla r-residenza tiegħu.
“Jien li għamel miegħi ma ninsih qatt. Dejjem kilt maghom. Dejjem sibthom meta kelli bżonn” qalet Mizzi.
Barra r-residenza fiż-Żejtun inġabret ġemgħa sabiħa li b’ċapċipa kbira taw merħba mill-isbaħ lill-President Vella malli ħareġ mill-bieb ta’ barra.
Ingħaqdu t-tfal tal-iskola primarja taż-żejtun, li bil-bandiera bajda u ħamra f’idejhom simbolu tal-għaqda li tkellem dwaru fl-ewwel diskors tiegħu ta’ President, bdew jgħajtu George Vella, George Vella. Tfal li ferħana li rnexxilhom jaraw lil Dr Vella ftit ħin biss qabel ħa l-ġurament tal-President.