AĠĠORNAT: Claudio Grech jattakka d-deċiżjoni tal-qorti – One News

Notifiki

AĠĠORNAT: Claudio Grech jattakka d-deċiżjoni tal-qorti

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech ħareġ jattakka deċiżjoni tal-qorti li t-Tnejn li għadda illiberat lil Noel Xuereb u lil Pierre Mercieca li fi żmien Gvern Nazzjonalista spiċċaw mixlija intortament fuq suspett li qajjem għall-għarrieda l-istess deputat dwar kuntratt miljunarju.

Kuntratt li spiċċa mar għand iSoft, entità li kienet irrappreżentata f’Malta minn kumpanija li skont xhud fil-qorti kienet tħallas il-kampanja elettorali tal-ex Ministru Austin Gatt.

F’ittra mibgħuta lil ONE NEWS bħala dritt ta’ risposta, Grech qal li dak li xehed Xuereb quddiem il-Maġistrat Francesco Deqasquale huwa qlib tal-verità rasha ’l isfel. Dan għax skontu, Xuereb seta’ jgħid li jrid.

It-Tnejn li għadda, Xuereb ex uffiċjal tal-MITTS u Mercieca, konsulent ta’ konsorzju privat, ġew illiberati minn kull akkuża ta’ tixħim f’kuntratt ta’ tletin miljun ewro għax-xiri ta’ sistema tal-informatika tal-isptar Mater Dei.

Huma bdew jiġu investigati mill-Pulizija, wara li f’daqqa waħda Claudio Grech ħass li kellu suspetti u ħass li kellu jintalab il-Kummissarju biex jinvestiga.

Il-Qorti qalet li Grech ġewh dawn is-suspetti fl-aħħar stadju tal-kuntratt meta kienu se jiffirmaw il-kuntratt mal-konsorzju Malti AME/INSO li kien ġie ddikjarat bħala l-aqwa offerent.

Fi ftit ġimgħat, il-Pulizija xliet lil Xuereb u lil Mercieca b’korruzzjoni għax allegat li tal-aħħar xtara lil Xuereb b’fireplace meta fil-fatt irriżulta li dan kien ħallas għalih.

Fil-fatt il-qorti qalet li mill-provi mressqa, ma rriżulta xejn mill-akkużi li ħarġulhom il-pulizija fuq is-suspetti ta’ Claudio Grech. Iżda fit-tweġiba tiegħu, Grech qalilna li l-Pulizija ħarġet l-akkużi għax kellha provi biżżejjed u mhux b’kapriċċ.

Waqt li fit-tweġiba tiegħu Grech jakkuża lil Xuereb b’konġetturi, il-qorti qalet li dan ix-xhud ingħata raġun minn kumpanija internazzjonali meta ġibed l-attenzjoni ta’ Grech bil-problemi finanzjarji u legali li kellha l-kumpanija iSoft li għandha spiċċa l-kuntratt.

Entità li fi kliem l-istess xhud fil-Qorti kienet irrappreżentata f’Malta minn Demajo Group li kienet tiffinanzja l-kampanja elettorali ta’ Austin Gatt u li kien hemm tendenza li l-proġetti l-kbar kienu jingħataw lilha.

Intant b’reazzjoni d-deputat Nazzjonalista reġa’ bagħat dritt għar-risposta għall-artiklu hawn fuq li huwa bbażat biss fuq fatti fis-sentenza ta’ aktar minn 50 paġna tal-Maġistrat Francesco Depasquale. Fl-ittra tiegħu jgħid li jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti, iżda fl-istess waqt ħareġ jattakka x-xhud li ġie illiberat minn kull akkuża ta’ tixħim u li spiċċa l-qorti wara li skont il-qorti, Grech f’daqqa waħda bdew jiġu s-suspetti.

Is-Sur Grech ittemm l-ittra tiegħu billi jgħid li huwa ressaq s-suspetti tiegħu wara li skont kien hemm leakages. Madankollu fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Francesco Depasquale fil-konklużjonijiet tas-sentenza tiegħu jgħid preċiżament dan il-kliem:

5. Jirriżulta, madankollu li mill-assjem tal-provi kollha kif prodotti mill-Prosekuzzjoni, ma jirriżulta pprovat EBDA mill-imputazzjonijiiet li kienu bbażati fuq IS-SUSPETTI ta’ Claudio Grech.

Din hija r-risposta tas-Sur Grech fl-intier tagħha:

  1. Fl-ittra tiegħi tal-bieraħ jien speċifikatament bdejt billi għidt li “wieħed jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti”. Iżda għidtlek ukoll, li x-xhud seta jgħid li jrid wara li,mis-Sentenza stess, jirrizulta li l-Qorti tat Digriet biex l-interċetazzjonijiet telefoniċi u elettroniċi ma’ jiġux ammessi fil-proċeduri tal-Kawża wara li l-Pulizija ma’ eżebietx il-warrant neċessarju biex ottjeniet l-istess interċetazzjonijiet.
  1. Minkejja li diġa ktibtlek qiegħed tinjora li l-fatti dokumentati juru li kont jien stess li rrakommandajt li t-tender ma’ jmurx għand it-tieni bidder (iSoft) u jsir biss dak li kien minimament neċessarju sabiex l-isptar Mater Dei ikun jista’ jopera u fi kwalunkwe każ mhux taħt it-tmexxija ta’ l-iSoft. Barra minn hekk il-parti ewlenija ta’ dak il-kuntratt (l-Electronic Patient Record) dan il-Gvern għażel li jtiha lil kumpanija lokali permezz ta’ direct order.
  2. Aktar minn hekk safejn naf jien m’huwiex minnu li l-iSoft kienet irrapreżentata mill-kumpanija lokali msemmija fl-artiklu tiegħek daqs kemm m’huwiex minnu illi xi parti minn din il-kumpanija lokali kienet tifforma parti minn xi kuntratt li ngħata b’rabta ma’ dan ix-xogħol f’Mater Dei.
  3. Nerġa nisħaq li l-uniku pass li jien ħadt f’dan il-proċess kien li meta jien daħalli suspett li kien hemm leakages ta’ informazzjoni, għamilt dak li kien mistenni minni fil-Code of Conduct ta’ dan il-proċess u cioe’ għarraft lill-Ministru responsabbli u sussengwetement lill-Prim Ministru li minnufih għażlu li jibgħatu għall-Kummissarju tal-Pulizija biex iqabbduh jinvestiga lil kollox u lil kullħadd.
  4. Aktar minn hekk, meta jien ressaqt is-suspett tiegħi la qatt ma’ semmejt li xi ħadd kien qiegħed jixxaħħam u wisq anqas ma ndikajt lil ebda persuna. L-investigazzjonijiet saru kollha kemm huma mill-Pulizija tul numru ta’ ġimgħat. Biex wieħed jasal għall-konklużjoni għaliex tressqu persuni l-Qorti jrid jistaqsi lilhom u mhux jattakka lili għaliex wassalt is-suspett tiegħi fuq dawn il-leakages.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend