Ehab Zorgani, Libjan, ta’ 25 sena, ġie kkundanat tnax il-sena u nofs ħabs u ordnat iħallas €22,000 fi spejjeż tal-qorti wara li wieġeb ħati li f’Settembru ta’ 4 snin ilu darab sitt persuni f’attakk vjolenti f’Paceville.
Il-Libjan li meta seħħ il-każ kellu 22 sena, tressaq il-qorti l-għada tal-aggressjoni u ġie mixli bi 11-il akkuża fosthom b’attentat ta’ qtil tal-Olandiż Antonn Van Der Heide u Libjan ieħor Hadji Salah. Huwa kien ġie mixli wkoll li kkawża ġrieħi gravi lil Malti Richard Galea ta’ 29 sena minn Ħal Kirkop u 3 pesuni oħra. Dakinhar huwa ma kienx wieġeb ħati tal-akkużi kontrih.
Il-każ kien seħħ kmieni l-Ħadd għall-ħabta tal-erba’ ta’ filgħodu fi Triq San Ġorġ f’Paceville, meta Zorgani li kien armat b’mus, allegatament kellu xi jgħid ma’ Libjan, Hadji Salan u tah diversi daqqiet f’ġismu. Il-vittma kien ġarrab bosta feriti f’sidru u messlu l-pulmun. Ingħad li l-persuni l-oħra li ndarbu nzertaw kienu kienu mexjin mit-triq fejn il-Libjan beda jxejjer il-mus fid-direzzjoni ta’ kull minn ġie quddiemu.
Fis-sentenza tagħha l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li l-Libjan ma laħaqx qatel lil xi ħadd minħabba l-effiċjenza tat-tobba.
Huwa nstab ħati wkoll ta’ attentat ta’ qtil, li darab gravi lill-Olandiż u li għamilu feriti permanenti f’wiċċu u li kellu sikkina mingħajr liċenzja tal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Saviour Baldacchino mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.