Il-Ministeru għal Għawdex organizza attività sportiva fil-kumpless sportiv tar-Rabat f’Għawdex biex jagħti merħba lit-tlett atleti Għawdxin li pparteċipaw b’suċċess fl-Ispecial Olympic World Games f’Abu Dhabi.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-impenn, id-determinazzjoni u sagrifiċċju li wrew dawn it-tlett atleti Għawdxin sarrfu f’riżultat mistħoqq li jagħmel unur lilhom u lil pajjiżna. Il-Ministru Caruana fakkret li l-ewwel midalja mirbuħa mill-kontinġent Malti kienet mill-atleta Għawdxija Maria Pia Saliba li rebħet il-midalja tad-deheb fit-25 metre butterfly. Hijaqalet li dawn l-atleti għandhom talenti kbar u kien għalekk li pajjiżna investa u emmen fihom biex jirrappreżentaw lil Malta fil-logħob li saru f’Abu Dhabi. B’kollox, Maria Pia Saliba, Gużeppina Galea u Carmelo Pace rebħu sitt midalji, erbgħa tad-deheb u tnejn tal-bronż.
Il-Ministru għal Għawdex qalet li għalkemm fiżikament ma kinitx preżenti waqt dawn il-logħob, xorta waħda segwiet dak kollu li kien għaddej permezz tal-media soċjali kif ukoll komunikazzjoni diretta mal-atleti u l-familji tagħhom. Il-Ministru Caruana appellat lill-atleti biex ikomplu jimirħu u jaspiraw għal aktar suċċess fid-dixxiplini sportivi li jipprattikaw. Hi wegħdet is-sostenn kollu tagħha biex dawn l-atleti jilħqu l-aspirazjonijiet tagħhom u jkomplu jgħamlu isem għalihom personali u unur għal Malta. Grazzi kbira tmur lill-familji tal-atleti tagħna, lil Anna Calleja, diriġenti, coaches u l-voluntiera kollha tal-Ispecial Olympics u lill-poplu kollu għall-appoġġ u s-sostenn li ta lill-atleti li rrapreżentaw lil pajjiżna qalet.