Fis-stqarrija ministerjali l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jekk ir-Renju Unit japprova l-arranġament tat-tluq din il-ġimgħa, allura ma jkunx hemm problemi għaliex, fid-data tal-elezzjonijiet, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ma jkunux ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ma jkunux eleġibbli biex jivvutaw. Il-gvern qiegħed jieħu pariri legali dwar il-bzonn ta’ aġġustamenti zgħar minħabba li fid-data li jibda l-advanced voting, it-18 ta’ Mejju, iċ-ċittadini tar-Renju Unit xorta jkunu meqjusa ċittadini tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru qal li fl-eventwalita li r-Renju Unit ma jaqbilx mal-ftehim tal-ħruġ din il-ġimgħa, u ma jkunx hemm ċertezza dwar estensjoni itwal sad-data tal-publikazzjoni tar-reġistru elettorali għal dawn l-elezzjonijiet, il-Gvern qed jikkunsidra kif il-Kummissjoni Elettorali tkun tista tneħħi mir-reġistru dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiż li jkun se jitlaq mill-Unjoni Ewropea, anke f’kaz li d-data tat-tluq tkun wara l-pubblikazzjoni tar-reġistru imma qabel d-data tal-elezzjonijiet. F’kaz li jiġi revokat artiklu ħamsin, jew li d-data tal-ħruġ tkun posposta għal wara Mejju ta’ din is-sena, iċ-ċittadini tar-Renju Unit jibqgħu ċittadini tal-Unjoni Ewropea u naturalment jibqgħu eliġibbli li jivvutaw.
Il-Prim Ministru fakkar ukoll li l-Gvern ressaq emendi għal-liġi dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li jinkludu proposti biex jitwettaq l-impenn li ċittadini tar-Renju Unit jibqgħu eliġibbli biex jivvutaw u jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet. Din il-liġi qegħda fl-istadju tat-tieni qari u infurmat li dalwaqt tgħaddi lill-Kumitat Parlamentari konċernat.
Intant, l-Prim Ministru Ingliż Theresa May qalet li kif inhuma l-affarijiet bħalissa, għad m’għandix biżżejjed appoġġ biex tirbaħ vot fuq il-ftehim tagħha ta’ Brexit. Qalet li se tkompli tipprova tikkonvinċi lill-membri parlamentari biex jappoġjaw il-ftehim qabel ma jitressaq quddiem il-Commons għat-tielet darba. Il-Prim Ministru May se tordna lit-Tories biex jivvutaw kontra petizzjoni minn grupp ta’ membri parlamentari sabiex issir votazzjoni fuq alternattivi għal pjan tagħha. Dan wara li fis-summit ewropew tar-rebbiegħa, li sar fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-mexxeja ewropej qablu li Renju Unit jingħata ċans sat-tnejn u għoxrin ta’ Mejju f’każ li l-Parlament tar-Renju Unit jaċċetta l-ftehim ta’ Brexit, u fin-nuqqas għandu sat-tnax ta’ April biex jiddeċiedi.