Kien żagħżugħ arrestat dwar traffikar ta’ droga li offra minn jgħeddu li jagħti stqarrija lill-Pulizija u għadda lill-Pulizija informazzjoni dwar Jordan Azzopardi, u li l-Pulizija setgħet tasal għall-arrest tiegħu. Żvela dan l-Ispettur Mark Mercieca mill-Iskwadra ta’ kontra d-drogi. Dan hekk kif Mercieca kien l-ewwel xhud fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ Jordan Azzopardi magħruf bħala l-El Chapo ta’ Malta. Huwa ġie arrestat il-ġimgħa l-oħra wara jiem twal ta’ investigazzjonijiet tal-Pulizija. Mercieca qal kif iż-żagħżugħ kien wieħed mill-hekk ‘imsejħa’ impjegati ta’ Azzopardi.
Fix-xhieda tiegħu Mercieca ta dettalji dwar l-investigazzjonijiet u l-arrest ta’ Azzopardi li seħħ l-Erbgħa filgħaxija. Dakinhar ġew arrestati wkoll it-tfajla tiegħu u anke persuna oħra Mario Abdilla li ukoll kien wieħed mill-impjegati tal-‘El Chapo’. Il-Qorti ordnat divjet fuq isem it-tfajla. Mercieca spjega kif apparti fir-residenza ta’ Azzopardi fil-Wardija saru wkoll xi tfittxijiet f’postijiet oħra.
Il-kumpilazzjoni tax-xhieda qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke taħt sigurtà stretta. Dan hekk kif diversi uffiċjali tal-Facilità Korrettiva ta’ Kordin kienu preżenti armati sa snienhom.
L-Ispettur Mark Mercieca spjega li waqt it-tfittxijiet fid-djar tiegħu qal kif fil-kċina nstabu flus kontanti u anke droga. Inbstabu wkoll ċwievet ta’ żewġ karozzi differenti. Huwa qal waqt li kien arrestat Azzopardi wkoll kellhu jittieħed l-isptar Mater Dei hekk kif waqa’ x’ħin kien fil-‘lock up’. Eżatt wara li ħareġ mill-Isptar Azzopardi akkumpanja lill-Pulizija waqt it-tfittxijiet fir-residenza tiegħu.
Fuq il-pedana tax-xhieda huwa qal kif instabu ‘crushers’ tad-droga b’traċċi ta’ sustanzi u kif ukoll munizzjon fosthom 32 balla ta’ kallibru ta’ 0.25mm flimkien ma’ balel oħra. Intqal ukoll kif instabet arma tan-nar fil-kamra tas-sodda, li l-magazzin tagħha kien mimli b’erba’ balel. Kompla jgħid kif fid-dar instabu traċċi ta’ sustanza illegali flimkien ma’ għodda li tintuża fit-traffikar tad-droga fosthom għadd ta’ imwieżen.
Wara Mercieca, telaw fuq il-pedana tax-xhieda wkoll żewġ uffiċjali tal-Pulizija li kienu qed isegwu lil Azzopardi fl-aħħar jiem. Intqal kif dan l-aħħar Azzopardi kien qed juża karozza tat-tip Skodia Fabia sewda. Hu ġie ntraċċat u baqa’ jiġi segwit f’Ta’ Sliema. Miegħu kien riekeb Mario Abdilla li beda jiġi nnuttat jinżel mill-karozza u jidħol fil-ħwienet. Hawnhekk intqal li Abdilla allegatament kien qed jibdel il-flus foloz prodotti minn Azzopardi ma’ flus tajba. Il-Pulizija bdiet tidħol f’dawn il-ħwienet wara li joħroġ Abdilla, u minn eżamiijiet li bdew isiru dak il-ħin fuq il-flus beda jirriżulta li dawn huma foloz.
Il-Qorti talbet lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali biex jagħmel eżerċizzju meħtieġ fuq il-flus misjuba u li huma allegatament foloz. Dr. Arthur Azzopardi flimkien ma’ Dr. Alfred Abela li qed jidhru għall-imputati talbu lill-Qorti sabiex jiġu ppreżentati l-każijiet kollha taż-żagħżugħ li qed jintqal li kixef lil Azzopardi.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Mark Mercieca, Justine Grech u Shaun Friggieri. Il-Kumpilazzjoni tax-xhieda mistennija tkompli tinstema’ nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Marzu li ġej.
Kelba ċkejkna twassal għall-arrest tal-moħħ wara ċirku kbir ta’ droga
Jordan Azzopardi ta’ 29 sena li jgħix f’residenza lussuża fil-Madliena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li kien il-moħħ wara t-traffikar ta’ droga eroina u kokaina li kien qed isir minn bosta lokalitajiet fejn saru bosta rejds mill-pulizija fl-aħħar xhur.