Il-PM jinawgura l-Customer Experience Centre ta’ Crane Currency – One News

Notifiki

Il-PM jinawgura l-Customer Experience Centre ta’ Crane Currency

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura il-Customer Experience Centre tal-Faċilità ta’ Crane Currency f’Ħal Far li hi l-aħħar parti tal-akbar investiment dirett barrani fil-qasam tal-manifattura f’pajjiżna fi kważi erbgħin sena.

Dan iċ-ċentru huwa mgħammar bl-aħħar teknoloġija u bl-iktar miżuri moderni ta’ sigurtà.

Il-President ta’ Crane Currency, Ann Marie Watson, qalet li dan iċ-ċentru se jgħaqqad Crane Currency ma’ diversi istituzzjonijiet minn madwar id-dinja li jirrekjedu servizzi mingħandha.

Watson fakkret kif l-investiment ta’ Crane Currency f’pajjiżna kien frott tal-istrateġija pro-business li addutta dan il-Gvern.

Qalet li fi tlieta u ħamsin ġimgħa biss l-investiment evolva minn fuq il-karta għall-faċilità f’Ħal Far, tant li biċ-ċentru tal-klijenti inawgurat it-Tnejn, Crane qed timpjega ‘l fuq minn 350 persuna. Numru li fil-ġimgħat li ġejjin se jkompli jikber.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-faċilità ta’ Crane Currency f’Ħal Far hija l-iżjed faċilità avvanzata tax-xorta tagħha fid-dinja bħalissa.

Huwa saħaq li Crane ħolqot bżonn ġdid għall-industrija li kienet qed togħtor.

Qal li għall-bidu, il-pjan kien li tħaddem mitejn persuna – għadd sinifkanti, iżda llum dan in-numru kważi rdoppja.

Dr Muscat qal li din l-industrija f’pajjiżna qed toħloq xogħlijiet ta’ kwalità.

Saħaq iżda li pajjiżna jrid ikun lest għal oqsma emerġenti, speċjalment fil-qasam tal-manifattura.

Għaldaqstant se jkun hemm sforz fis-settur edukattiv sabiex ladarba dawn it-teknoloġiji jibdew joffru iżjed opportunitajiet ta’ xogħol, kumpaniji bħal Crane jkunu jistgħu jħaddmu nies Maltin li jkunu diġà intiżi.

Ibbażata f’Boston fl-Istati Uniti, il-kumpanija Crane Currency fetħet il-bibien tagħha f’pajjiżna fl-2017 b’investiment ta’ $100 miljun u tispeċjalizza fl-istampar ta’ karti tal-flus kif ukoll passaporti.

L-industrija tal-istampar tal-flus f’Malta llum b’kollox tħaddem iktar minn 800 ruħ, meta mqabbel ma’ 575 sitt snin ilu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend