“Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-ħaddiema u lill-uffiċjali tad-Dwana u tal-Pulizija u lis-servizzi sigrieti u n-nies kollha involuti biex fis-sigħat li għaddew għamlu qabda sostanzjali ta’ droga kokaina fil-Port Ħieles.”
Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat meta indirizza lill-membri tal-midja b’rabta mal-qabda ta’ 288kg droga kokaina li saret fis-sigħat li għaddew.
Spjega kif il-qabda sostanzjali li saret fis-sigħat li għaddew, iżżid il-kredibilità tal-pajjiż u turi li bħala pajjiż qed nieħdu l-ġlieda internazzjonali kontra d-droga b’serjetà kbira.
Spjega kif mill-informazzjoni miksuba, din id-droga ma kinitx destinata għas-suq Malti iżda kienet iddestinata għal suq Ewropew jew suq barrani ieħor.
Il-Prim Ministru temm billi reġa’ rringrazzja lid-Dipartiment tad-Dwana flimkien mal-membri tal-Korp tal-Pulizija kif ukoll lis-servizzi sigrieti u dawk kollha involuti għall-ħidma tagħhom.