Waqt żjara f’razzett tal-baqar f’Ta’ Kerċem Għawdex, Alfred Sant qal li r-raħħala Għawdxin u Maltin jeħtieġu appoġġ sħiħ mill-Gvern biex ikun żgurat ħidmiethom fil-produzzjoni tal-ħalib. Ir-raħħala qed jaffaċċjaw kompetizzjoni żbilanċjata minn mindu Malta ngħaqdet mal-UE. Filwaqt li r-raħħala Għawdxin u Maltin jaħdmu fuq skala żgħira ħafna, il-kompetituri Ewropej tagħhom għandhom azjendi agrikoli fuq skala ferm akbar li jippermettulhom joħorġu bi prezzijiet aħjar.
Alfred Sant iltaqa’ mas-Sur Salvu Tabone u l-familja tiegħu li ilhom irabbu l-baqar għal produzzjoni tal-ħalib għal bosta snin. Tabone irabbi madwar mitt baqra fir-razzett tiegħu . L-ispejjeż tar-razzett u tal-għalf tal-annimali żdiedu ferm f’dawn l-aħħar snin. L-għalf jammonta għal 50-70% tal-ispejjeż totali fil-produzzjoni tal-annimali. In-numru ta’ baqar fir-razzett tiegħu naqas bi kwart f’dawn l-aħħar erba’ snin.
Alfred Sant qal li se jagħmel l-għalmu tiegħu biex jgħin lir-raħħala Għawdxin u Maltin jirċievu l-għajnuna bl-użu ta’ fondi Ewropej li jipprovdu inċentivi għal bdiewa u r-raħħala biex imantnu l-livelli attwali tal-produzzjoni f’setturi jew reġjuni speċifiċi fejn għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali jew ambjentali jgħaddu minn ċerti diffikultajiet.
“Is-soċjeta` tagħna għandha tiżgura li l-irziezet tal-bhejjem madwar Malta u Għawdex jibqgħu fuq saqajhom. Huwa inkwetanti ħafna li l-bdiewa tal-bhejjem tagħna kontinwament jistaqsu lilhom infushom jekk jagħmilx sens li jkomplu fil-ħidma tal-produzzjoni tal-bhejjem fl-irziezet tagħhom.” qal Alfred Sant.