“Mhix se tkun faċli, iżda b’ħidma aktar ikkordinata u bi pjan ħolistiku ċar nemmen li l-ġlieda kontra l-kanċer nistgħu u se nirbħuha.” Dan qalu l-kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba, waqt laqgħa li kellu mal-Pjattaforma Nazzjonali tal-Kanċer.
Dr Agius Saliba saħaq li ma rridux naraw kbir u rridu nżommu saqajna mal-art. Madankollu huwa spjega kif it-teknoloġija li qed tiżviluppa kontinwament madwarna u r-riċerka li qed twassal għal avvanzi xjentifiċi importanti huma l-aqwa armi kontra l-kanċer. “Qed naraw kif ir-riċerka qiegħda tagħti riżultati inkoraġġanti. Irridu nkomplu naħdmu b’determinazzjoni u bla waqfien. Konvint li politika Ewropea kkordinata li tiffoka fuq l-għarfien, il-prevenzjoni u l-kura tista’ tgħinna nagħmlu l-pass li jmiss.”
Fil-laqgħa mal-Pjattaforma Nazzjonali tal-Kanċer, li hija magħmula minn 16-il organizzazzjoni li jaħdmu mal-pazjenti tal-kanċer, ġew diskussi policiestal-Unjoni Ewropea li jistgħu jiddaħħlu biex il-pazjent tal-kanċer jingħata kura u servizz aħjar. Issemmew skemi favur il-prevenzjoni tal-marda u l-bżonn ta’ aktar fondi għar-riċerka biex titnaqqas l-inċidenza u l-mortalità tal-kanċer. L-esperjenza u l-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti wkoll kienu temi ewlenin fid-diskussjoni informattiva li saret. L-għaqda semmiet kif neħtieġu sistemi tas-saħħa aktar effettivi u aċċessibbli madwar l-Ewropa biexikun assigurat li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom aċċess għal kura aktar effettiva kontra l-kanċer.
Agius Saliba rrimarka li hemm bżonn li dawk li jkunu fiequ mill-kanċer ikunu jistgħu jingħataw ċans li jieħdu loan u jiġu koperti b’assigurazzjoni tal-ħajja. Bħalissa ninsabu f’sitwazzjoni fejn wara t-trawma tal-kanċer, il-pazjenti mhux qed jingħataw ċans jixtru proprjetà għax il-banek ma jagħtuhomx loan. Huwa emfasizza wkoll dwar l-importanza li ssir ħidma biex jorħsu mediċini ġodda li jiġġieldu tipi ta’ kanċer mhux daqstant komuni.
Alex Agius Saliba wiegħed li jagħti vuċi lil dawn l-organizzazzjonijiet u lest iressaq il-ħafna proposti interessanti tagħhom. Huwa qal li huma proprju l-persuni li jiltaqgħu mal-pazjenti li jafu x’sostenn għadu nieqes fis-servizz.
Agius Saliba rrikonoxxa l-avvanzi kbar li għamlet Malta u s-settur tas-saħħa anke fir-rigward tal-kanċer b’inizjattivi u miżuri għaqlin. Huwa qal li l-isforzi tal-Gvern qed iħallu effett pożittiv fuq il-pazjenti u l-għeżież tagħhom. Fost l-oħrajn huwa rrimarka li mill-2017 sal-lum intefqu ftit inqas minn €16-il miljun fuq 14-il mediċina ġdida għal kontra l-marda tal-kanċer. Ftit inqas minn 800 pazjent qed jibbenefikaw minn din il-mediċina. Fl-istess waqt, Agius Saliba qal li fuq livell Ewropew il-mediċina kontra l-kanċer trid tkun aktar aċċessibbli u affordabbli għaċ-ċittadini kollha.
F’Malta jiġu djanostikati 2,000 każ ġdid ta’ kanċer fis-sena u ta’ kull sena jmutu xejn inqas minn 900 persuna bil-kanċer. Fl-Ewropa jiġu djanjostikati 3.7 miljun każ ta’ kanċer fis-sena. U l-kanċer huwa t-tieni l-iktar kawża ta’ mortalità fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea wara l-mard tal-qalb.
Alex Agius Saliba temm b’messaġġ pożittiv fejn qal li fis-sistema Ewropea jara opportunità u potenzjal kbir biex tintrebaħ il-ġlieda kontra l-kanċer. Huwa qal li rridu nsaħħu l-għodod tagħna llum qabel għada, u nkunu ambizzjużi fil-miri tagħna – bit-tama u l-konvinzjoni li l-kanċer jista’ u se jingħeleb.