Madwar 40 impjegat tal-Bank of Valletta rreġistraw biex jagħtu d-demm f’inizjattiva organizzata mill-BOV b’kollaborazzjoni mas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.
“Il-kampanji ta’ ogħti tad-demm saru parti integrali mill-kalendarju ta’ attivitajiet ta’ Responsabbiltà Soċjali li jittellgħu ta’ kull sena fil-Bank of Valletta,” qal Jes Sciberras, l-organizzatur tal-kampanja tal-Ogħti tad-Demm ġewwa l-BOV. “Aħna il-veru kburin bil-parteċipazzjoni entużjażta tal-impjegati tagħna, li kull darba jilqgħu l-istedina biex jagħtu d-demm. Iktar u iktar b’dawk l-impjegati li jagħtu d-demm għall-ewwel darba, fejn minkejja l-biża’ inizjali tagħhom, jirnexxielhom jagħmlu kuraġġ u jsalvaw ħajjet ħaddieħor.”
Caroline Farrugia, ko-ordinatriċi tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qalet li “l-Bank tad-Demm għandu bżonn medja ta’ 60 borża demm kuljum biex ikun jista’ jlaħħaq mad-domanda. Ħafna nies mhux dejjem japprezzaw l-importanza li jagħtu d-demm sakemm huma stess jew xi ħadd għażiż għalihom jiġi bżonn id-demm. Għalhekk nixtieq nirringrazzja lill-impjegati tal-Bank of Valletta għall-ġenerożità tagħhom, li għal darb’oħra reġgħu laqgħu it-talba tagħna għad-demm.”
Il-Bank of Valletta jħeġġeġ lill-pubbliku biex jingħaqad mal-impjegati tiegħu f’esperjenzi simili u jsalva ħajjet ħaddieħor. Kull min jixtieq jagħti d-demm, jista’ jżur is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm f’Tal-Pieta` bejn it-8am u s-6pm jew iċempel fuq 8007 4313 jew 7930 7307 għal iktar tagħrif.