Il-Knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun kienet mimlija nies li nġabru biex jagħtu l-aħħar tislima lil Ronnie Pellegrini, magħruf ma’ bosta bħala attivist kbir tal-Partit Laburista u għas-sehem tiegħu fit-trejdunjoniżmu.
Il-prinċipji soċjalisti sodi, u l-imħabba ta’ Ronnie għall-ħaddiem u l-iktar vulnerabbli kienu fil-qofol tal-omelija tal-Kappillan tal-Ħamrun Dun Walter Cauchi.
“Minjaf kemm-il darba ħaddiema ħabbtulu l-bieb biex imur jintercedi ghalihom dan ir-ragel. Min jaf kemm-il darba fix-xoghol tieghu kien hemm min talbu karita…karita mhux bilfors li jdahhal idejh fil-but, imma karita biex il-Mulej permezz li zejnu, ikun kapaci jghaddih lill-ohrajn u jkun ta’ servizz ghall-ohrajn,” qal Dun Cauchi.
Ronnie Pellegrini, li kien raġel tal-familja maħbub, għadda għall-ħajja ta’ dejjem nhar il-Ħadd li għadda fl-età ta’ erbgħa u sittin sena, u ħalla jibkuh lil martu Carmen, lil bintu Daniela, u lil bosta qraba u ħbieb.
Fost dawk li marru jagħtu l-aħħar tislima lil Ronnie Pellegrini kien hemm fost l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, u bosta membri u uffiċjali tal-Partit Laburista u l-General Workers Union li kienu fil-qofol ta’ ħidmiet Ronnie tul is-snin.
Wara li nħareġ mill-Knisja ta’ San Gejtanu, it-tebut ta’ Ronnie Pellegrini ttieħed quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fejn hemmhekk ingħata tislima mill-amministrazzjoni tal-Partit li għalih kien jaħdem qatigħ u minn qalbu.
Partit Laburista li fakkar kif f’perjodi differenti, inkluż fi żminijiet ta’ sfida, Ronnie Pellegrini kien punt ta’ referenza għal ħafna fl-istrutturi tal-Partit Laburista.
Ronnie – suldat tal-azzar li kien l-ixprun għal bosta biex jersqu ’l quddiem u jimbarkaw fil-ħajja politika u trejdunjonistika, biex huma wkoll iħaddnu l-prinċipji soċjalisti u jmexxu pajjiżna ’l quddiem.