Wara proċess ta’ verifika, il-General Workers’ Union ġiet rikonoxxuta bħala l-unjin li tgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-ħaddiema tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS).
Skont dan il-proċess ta’ verifika, li sar mid-Dipartiment tal-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali, jirriżulta li l-GWU tgawdi appoġġ assolut fost il-ħaddiema.
Dan kien ikkonfermat kemm f’korrispondenza mibgħuta mid-Dipartiment, kif ukoll f’ittra mibgħuta lis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja miċ-Ċerpersin tal-FTS, Michael Sant. Fl-ittra jingħad li l-Bord tad-Diretturi u l-Maniġment tal-FTS iħares ‘il quddiem għal relazzjonijiet pożittivi bejn il-maniġment u l-unjin għall-benefiċċju kemm tal-impjegati kif ukoll tal-Fondazzjoni.
Min-naħa tagħha l-GWU tqis dan ir-rikonoxximent bħala wieħed importanti għax se jkompli jespandi l-firxa tal-Union fost il-postijiet tax-xogħol. Issa wara l-ewwel laqgħa ta’ introduzzjoni jibda proċess biex isir ftehim kolletttiv għal dawn il-ħaddiema.