FILMAT: Delia jikkonferma li ma jridx jitlob investigazzjoni dwar l-akkużi serji fil-konfront tiegħu – One News

Notifiki

FILMAT: Delia jikkonferma li ma jridx jitlob investigazzjoni dwar l-akkużi serji fil-konfront tiegħu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia reġa’ irrifjuta li jmur għand Maġistrat u jitlob inkjesta maġisterjali dwar l-allegazzjonijiet serji, li ilu jiffaċja sa mit-tellieqa għall-ħatra ta’ Kap Nazzjonalista. Kienet il-blogger Daphne Caruana Galizia li ftit tal-ġimgħat qabel inqatlet allegat li Adrian Delia daħħal aktar minn miljun ewro f’kont f’bankarju f’Jersey ġejjien miċ-ċirku ta’ prostituzzjoni f’Londra.

Dan permezz ta’ kont bankarju li kellu f’ismu u li fih suppost kienu qed jidħlu flus minn kirijit ta’ proprjetajiet f’Londa. Huwa allegat li f’dan il-kont kienu jidħlu 20,000 lira Ingliża kull xahar. Minn dakinhar, Delia dejjem irrifjuta li jitlob inkjesta dwaru.

Fuq l-għatba tal-Qorti staqsejna lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia jekk hux se jitlob inkjesta maġisterjali  sabiex inaddaf ismu minn dawn l-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus. Iżda mill-ewwel iddefenda lilu nnifsu u qal li dwaru m’hemm l-ebda allegazzjoni. Il-Kap Nazzjonalista li huwa wkoll il-kelliem tal-governanza t-tajba, għal iktar minn darba rrepeta li mhux se jitlob investigazzjoni dwaru.

L-allegazzjoni li Adrian Delia daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni, kienet waħda mir-raġunijiet li qasmet il-Partit Nazzjonalista. Tant li fit-tellieqa għall-Kap Nazzjonalista, l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil kien qal li Delia kellu jirtira mit-tellieqa għal Kap, minħabba dawk li sejjaħ akkużi serji u gravi. Bil-Kumitat tal-Etika tal-Partit Nazzjonalista kien ukoll talab lil Delia jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu mit-tellieqa għall-Kap.

Minkejja dan Delia baqa’ qatt ma talab investigazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet serji. Bil-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, ma ħafruhiex lil Delia, li ħafna minnhom jemmnu li mhuwiex denju li jkun Kap tal-Partit Nazzjonalista minħabba dawn l-allegazzjonijiet.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend