Berġa tas-saħħa ġdida f’Tal-Pietà se toffri disa’ servizzi ġodda lill-klijenti – One News

Notifiki

Berġa tas-saħħa ġdida f’Tal-Pietà se toffri disa’ servizzi ġodda lill-klijenti

Ġiet inawgurata berġa tas-saħħa fil-bini tal-Kunsill Lokali ta’ Tal-Pietà. Is-Sindku ta’ Tal-Pieta, Keith Tanti, qal li l-Kunsill ried li r-residenti ta’ Tal-Pietà kif ukoll ta’ Gwardamanġa jibdew jinqdew aħjar fejn jidħol is-servizz mediku. B’dan il-għan ikontribwixxa billi offra l-ewwel sular tal-bini tal-kunsill għall-użu tal-berġa. Is-Sindku qal li issa, ir-residenti se jingħataw firza ta’ servizzi mediċi, li jinkludu teħid tad-demm, għajnuna għas-saħħa mentali, podjatrija, u oħrajn.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja, Roseanne Camilleri, qalet li qed jinħarġu s-servizzi mediċi ‘l barra miċ-ċentri tas-saħħa. Minkejja li ċ-ċentri huma mifruxa ma’ Malta u Għawdex, xorta waħda mhux qed ikunu milħuqa minn kulħadd, b’konsegwenza li l-pazjent jitraskura l-kura għal saħħtu. Qalet li bil-ftuħ ta’ din il-Berġa, il-pazjent se jingħata dak li għandu bżonn f’ħin aħjar.

Il-Kap Eżekuttiv semmiet kif fil-berġa ta’ Tal-Pietà se jinbeda proġett pilota, dak tat-teħid tad-demm, bil-ħsieb li dan is-servizz jinfirex mal-kumplament tal-bereġ. Il-bereġ huma parti minn proġett ħolistiku tas-servizzi tas-saħħa. Qalet li se jkunu kkreati spazji oħra fiċ-ċentru biex servizzi li minħabba n-nuqqas ta’ spazju ma jistgħux jingħataw bħalissa minn Mater Dei, jinfirxu.

Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal li din is-sena l-Gvern se jagħti spinta lill-infrastruttura tas-saħħa fil-komunità. Għalhekk, il-Gvern qed juża r-riżorsa li għandu fl-ibliet u rħula Maltin bħal Tal-Pietà, Ħaż-Żebbuġ, ix-Xewkija u Ħ’Attard, u issa jemm programm sħiħ biex tul din is-sena jsiru xogħlijiet f’bereġ oħra madwar Malta u Għawdex.

Semma kif l-ispiża għall-dan il-proġett tleħħaq il-miljuni, iżda, pajjiżna bħalissa għaddej minn ekonomija b’saħħitha. Dan ifisser li l-fondi ġġenerati mill-ekonomija nistgħu nutilizzawhom biex isir aktar investiment fis-saħħa tal-poplu.

Il-Ministru qal li fiż-żmien li ġej se jkompli jsir aktar investiment, hekk kif fil-ġranet li ġejjin se joħorġu sejħiet biex jibda xogħol fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira. Wara dan, iċ-ċentri tas-saħħa kollha madwar Malta u Għawdex se jingħataw spinta qawwija din is-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend