F’konferenza tal-aħbarijiet f’sala ġdida fil-kwartieri ġenerali tal-Air Malta f’Ħal Luqa, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ħabbar tliet inizjattivi li permezz tagħhom l-linja nazzjonali tal-ajru se tagħmel qabża kbira fil-ħidma operattiva tagħha bil-għan li twieġeb minnufih għal kull emerġenza li tista’ tinqala’.
Il-Ministru Mizzi spjega li fl-aħħar xhur l-Air Malta ġabret f’dipartiment wieħed dik li sejjaħ bħala il-qalb tal-kumpanija biex tikkonsolida l-kontroll operazzjonali u li minnu se jittieħdu kull xorta ta’ deċiżjoijiet dwar l-operat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Clifford Chetcuti qal li l-Air Malta ħadet f’idejha s-sistema tat-teknoloġija tal-informatika biex tkun tista’ tniedi prodotti ġodda u toffri esperjenza aħjar għall-konsumaturi/
Waqt li rrefera għat-tiġrif tal-ajruplan tal-linja tal-ajru Etjopjana b’157 passiġġier, qal li f’każ ta’ inċidenti simili fl-Ewropa, il-kontrollur anzjan tal-ajru li jinsab f’din is-sala flimkien mal-kontrollur tat-titjiriet u dak kummerċjali se jkun jista’ jniedi dik li qed tisejjaħ bħala kamra ta’ emerġenza li tmiss eżatt mas-sala tal-operat.
Waqt li ttama f’Alla li din il-kamra ma tintuza qatt, qal li minnha jkun jista’ jitnieda pjan ta’ kontinġenza aktar malajr u effettiv li jwieġeb u joffri servizz lill-passiġġieri, lill-qraba u l-membri tal-ekwipaġġ tal-persuni involuti.
Iċ-Chairman tal-Air Malta, in-Nutar Charles Mangion qal li l-Air Malta għaddejja b’investiment ta’ sitt miljun ewro fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika fosthom f’laboratorju li permezz tiegħu se tbigħ is-servizzi tagħha lil kumpanija oħra tant li kważi waslet biex tagħlaq kuntratt ma’ kumpanija oħra.
Semma kif bis-saħħa tal-ħaddiema tal-Air Malta, proġett ta’ tmintax-il xahar fil-qasam tal-IT ġie implimentat f’żmien rekord ta’ sitt xhur. Huwa appella għall-kollaborazzjoni mat-tmexxija tal-Air Malta bil-għan li l-linja nazzjonali tkompli tagħti l-għajnuna kollha lill-ekonomija Maltija.