Fatah Mohamud Hassan mis-Somalja ġie kkundannat tmien xhur priġunerija u multa ta’ €4000 wara li nstab ħati li attakka u għamel reżistenza bi vjolenza fil-konfronta ta’ kuntistabbli tal-Pulizija.
Il-każ seħħ nhar it-8 ta’ Frar li għadda fil-Marsa. Il-Qorti ppresseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud tenniet li l-Pulizija jridu jkunu protetti waqt li jkunu qed jaqdu d-dmirijiet tagħhom u ħadd m’hu skużat – tkun xi tkun ir-raġuni.
Il-Maġistrat Mifsud qal li ordni tal-Pulizija għandha tkun obduta mal-ewwel u għandu jintwera rispett lejn kull uffiċjal dejjem u kullimkien. Qal li r-rispett għandu jidher b’mod l-aktar ċar anke f’sitwazzjonijiet fejn tkun daħlet imqar daqsxjn tensjoni.
Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Mifsud qal li l-imputat għamel ħsara lil immaġini tal-maġġoranza tal-barranin li jgħixu f’pajjiżna u li jimxu mal-liġijiet ta’ pajjiżna.
F’dan il-każ il-Qorti qalet li ma tistax tħeġġeġ lill-Uffiċjal Ewlieni għall-immigrazzjoni biex l-imputat jintbagħat lura lejn pajjiżu minħabba l-istat li tinsab fih is-Somalja.
Il-Qorti ħadet konsiderazzjoni wkoll li l-imputat talab skuża ta’ dak li wettaq għax kien xorob u ma kienx jaf x’qiegħed jagħmel u anke għal fatt li ammetta l-ħtija tiegħu fil-bidu nett ta’ dawn il-proċeduri.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Stacey Attard.