Ġie nawgurat xogħol ta’ restawr f’xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija li jinsab biswit l-entratura prinċipali taċ-Ċittadella f’Għawdex.
Ix-xogħol kien jinkludi tindif ta’ materjal li nġabar tul is-snin, installazjoni ta’ sistema moderna ta’ dawl u installazjoni ta’ għamara tal-epoka u sistema ta’ lqugħ tal-ilma.
Ix-xogħol sar minn Wirt Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Ministeru ta’ Għawdex.
Dan il-proġett estensiv ibbenefika minn fondi li l-Ministeru għal Għawdex għadda lil Wirt Għawdex fi Frar tas-sena l-oħra u li minnu ġiet ukoll irrestawrata wkoll il-Loġġa tal-Palju.
Giovanni Zammit segretarju ta’ Wirt Għawdex tkellem dwar ix-xogħlijiet li saru f’dan ix-shelter.
Giovanni Zammit, is-Segretarju ta’ Wirt Għawdex qal: “Dan kollu sar grazzi għall-Ministeru għal Għawdex. Il- pubbliku se jkollu sit ieħor. Għax għandna ukoll is-silos apparti dan”.
Il-Ministru għal Għawdex qalet kif il-ħarsien tal-patrimonju storiku jibqa’ element ewlieni u li qed jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.
Spjegat kif ta’ kull sena, qed joħorġu skemi ta’ restawr biex il-Kunsilli Lokali jressqu l-proposti tagħhom u eventwalent jiġu restawrati siti storiċi fl-irħula. Fakkret kif kien il-Ministeru għal Għawdex li ħadem biex is-sit ta’ Għar Gerduf f’Kerċem jiġi espropjat, azzjoni li biha l-Ministeru irnexxilu jipproteġi sit storiku.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet: “Għandna aktar proġetti in 2019 u ntenni l-appoġġ ta’ wirt artna għal kultura Għawdxija u pajjiżna”.
Il-Ministeru għal Għawdex qalet li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru aktar inċentivi biex jiġu irrestawrati siti oħra ta’ importanza storika.