Ix-xogħlijiet ta’ restawr li qed jitwettqu fil-Gran Salon fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta qed jiżvelaw diversi saffi ta’ dekorazzjonijiet minn żminijiet differenti fl-istorja ta’ din is-sala. Dawn ix-xogħlijiet qed jiġu appoġġjati finanzjarjament mill-Bank of Valletta.
Il-Gran Salon fit-tieni sular tal-Auberge de Provence (il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta) hija waħda mill-iktar swali impressjonanti u eleganti fil-Gżejjer Maltin. B’daqs ta’ 10.3 m x 23.5 m x 8.5 m għoli, il-ħitan u s-saqaf tagħha, bis-sapport ta’ 20 travu enormi, huma kompletament miksija b’dekorazzjonijiet miżbugħa.
Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta Deo Scerri u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv Mario Mallia, żaru l-Gran Salon u ġew aġġornati dwar il-progress li sar mill-Aġent Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit u mill-Uffiċjal Kap tal-Operat Kenneth Gambin.
“Din hija l-ewwel darba fl-istorja twila tagħha li l-Gran Salon qed isirilha dan il-livell ta’ konservazzjoni professjonali”, qal il-konservatur Anthony Spagnol. “Id-diffikultà tal-konservazzjoni tirriżulta minn ħsara kemm fuq il-wiċċ tal-pittura kif ukoll fis-saffi ta’ taħt. Qed jinqala’ b’mod konsiderevoli s-saff tal-ġibs, taħt iż-żebgħa abbażi ta’ ġir, li jrid jiġi kkonsolidat qabel ma jkun jista’ jsir kwalunkwe restawr.”
“Wara spezzjoni viżwali mill-qrib, aħna nnutajna li hemm disinji differenti taħt is-saff tal-wiċċ,” spjega Spagnol. “Dan jikkonsolida l-fatt li s-sala għaddiet minn diversi interventi ta’ restawr fl-istorja twila tagħha. Madankollu, mhux it-tibdiliet kollha li saru għandhom importanza sinifikanti. Għandna biżżejjed provi li ħafna minn dawn l-interventi ġew eżegwiti b’liċenzja artistika estensiva. Dawn qed jitneħħew wara r-riżultati tal-laboratorju minn kampjuni meħuda biex tiġi ddeterminata l-età tas-saffi differenti taż-żebgħa.”
Iċ-Chairman tal-BOV qal li “l-progress fuq il-proġett jimlina b’fiduċja li għal darb’oħra se nkunu nistgħu ngawdu l-Gran Salon fl-istat maestuż oriġinali tagħha. Il-preservazzjoni tal-wirt kulturali għani ta’ Malta hija pilastru ewlieni tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tagħna. Aħna nfittxu b’mod attiv dawk il-proġetti ta’ restawr li jgħinu biex iżommu l-karattru tal-gżejjer tagħna biex niżguraw li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawdu l-wirt divers tagħna.”
Il-ħsara li saret fil-Gran Salon kienet aċċentwata minn diversi fatturi li jinkludu l-infiltrazzjoni tal-ilma matul is-snin, il-verniċ li jisfar b’mod naturali, l-akkumulazzjoni ta’ ħmieġ u trab, kif ukoll proġetti preċedenti ta’ restawr li saru fil-passat mingħajr l-għarfien xjentifiku li għandna llum. Il-proċess tal-konservazzjoni huwa twil u diffiċli u jitwettaq b’mod rigoruż bl-idejn, wara dokumentazzjoni preċiża u l-integrazzjoni ta’ dak li ntilef.
L-Aġent Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta kkonkluda, “Il-Gran Salon qed tiġi trattata bid-dinjità kollha li jistħoqqilha bħala teżor storiku. Tabilħaqq qed noqorbu lejn il-jum li fih għal darb’oħra narawha fil-glorja kollha tagħha. Dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna tal-Bank of Valletta.”