L-MPE Marlene Mizzi mexxiet grupp ta’ ħidma dwar l-importanza tal-enerġija sostenibbli għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi
L-MPE Marlene Mizzi rrappreżentat lill-Parlament Ewropew fis-17-il Laqgħa Reġjonali tal-Assemblea Konġunta tal-ACP-UE mtellgħa fir-Repubblika ta’ Suriname.
Marlene Mizzi ppreżentat dokument u mexxiet dibattitu importanti dwar l-eneġija sostenibbli u l-importanza tagħha biex iżżid l-opportunitajiet għat-tkabbir ekonomiku u tal-impjiegi.
Il-Membri tal-Parlament mill-pajjiżi tal-ACP (Afrika, Karibew, Paċifiku) u Membri tal-Parlament Ewropew iddiskutew x’għandha tkun it-triq ‘il quddiem u l-ħtieġa għall-investiment biex l-enerġija sostenibbli tkun disponibbli għal kulħadd b’mod partikolari għall-pajjiżi vulnerabbli bħal dawk fir-reġjuni tal-ACP.
“Huwa xokkanti kif fis-seklu 21 mijiet ta’ miljuni ta’ persuni f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, speċjalment f’zoni remoti, għad m’għandhomx aċċess għall-elettriku! Irridu nipprovdu sorsi ta’ enerġija affidabbli, nadifa, affordabbli u sostenibbli lill-persuni f’pajjiżi għadhom qed jiżviluppaw,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.
Fl-istqarrija tagħha, Mizzi qalet li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli saru l-pilastru għat-tkabbir ekonomiku b’livelli baxxi ta’ karbonju għall-gvernijiet madwar id-dinja. “L-enerġija rinnovabbli toffri l-possibbiltà li tipprovdi għad-domanda inizjali, bażika u sostnuta, u hija essenzjali biex tagħmel enerġija li hija affidabbli u kosteffettiva għall-pajjiżi tal-ACP.”
Minkejja l-potenzjal tagħhom, il-pajjiżi tal-ACP għadhom jiffaċċjaw nuqqasijiet kbar fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u strateġiji ta’ politika. L-MPE Mizzi għaddiet sett ta’ rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb l-aċċess għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-pajjiżi tal-ACP, tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u jiġu ġġenerati miljuni ta’ impjiegi. Din tista’ tkun ukoll parti mis-soluzzjoni għall-migrazzjoni ekonomika, għax il-ħolqien tal-impjiegi jfisser futur diċenti għal dawk li ma jkollhomx iħallu pajjiżhom u jissograw ħajjithom billi jaqsmu minn rotot perikolużi, bħall-Mediterran, biex ifittxu futur diċenti u dinjituż.
“Irridu nżidu l-aċċess għal sorsi ta’ enerġija sostenibbli, speċjalment għal popolazzjonijiet vulnerabbli, u għall-elettriku u servizzi ta’ enerġija innovattici. Irridu wkoll inżommu u nżidu l-finanzjament li diġà jeżisti għall-investiment lokali biex il-pajjiżi jkunu megħjunin fit-tranżizzjoni tal-enerġija aktar mexxejja lejn sorsi ta’ enerġija sostenibbli.”
“Li nipprovdu enerġija sostenibbli għal kulħadd għandha tkun prijorità welenija fil-miri ta’ żvilupp internazzjonali tagħna. Ħadd ma jista’ jitħalla jaqa’ lura u kull bniedem ħaqqu ħajja aktar ġusta, ħajja bi standards dinjitużi, ħajja li tista’ toffri futur aħjar liċ-ċittadini kollha, speċjalment persuni żgħar u familji,” temmet tgħid l-MPE Marlene Mizzi.