“It-terrur ma jbiddilix persuni minn omosesswali għal eterosesswali, sempliċiment iweġġa l-iktar persuni vulnerabbli għall-kumplament ta’ ħajjithom”, qal il-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer f’laqgħa politika Taħt it-Tinda fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar.
Engerer tkellem fit-tul fuq il-libertajiet ċivili f’pajjiżna u qal li saret rivoluzzjoni fil-liġijiet tal-pajjiż. Hu spjega li dawn il-kisbiet ma jistgħux jittieħdu for granted u jridu jiġu ssalvagwardjati. “Adrian Delia qal li fuq drittijiet ċivili jreġġa l-arloġġ lura. Ftaħar li hu iktar konservattiv minn Simon Busuttil. Jekk Simon Busuttil ġiegħel lill-Partit Nazzjonalista jastjeni fuq l-Unjoni Ċivili u ma resaqx lejn il-Parlament għall-vot fuq il-liġi dwar l-identità tal-Ġeneru, x’se jagħmel Adrian Delia li kieku l-poplu Malti u Għawdxi jafdah?”, saqsa Engerer.
Fid-diskors ta’ Cyrus Engerer spikkat il-passjoni li għandu għall-ugwaljanza u qal li filwaqt li l-liġijiet inbiddlu għad baqa’ ħafna xi jsir kemm fil-liġijiet ta’ pajjiżna, u aktar minn hekk fil-mentalità. Hu rreffera għall-ewwel episodju tal-podcast il-ġdid ta’ Christian Peregin fuq LovinMalta li tkellem ma’ Clayton Mercieca, ġenitur ta’ tifel mwieled grazzi għall-proċeduri tas-surrogacy, li sab numru ta’ diffikultajiet sabiex hu u żewġu jirreġistraw it-tarbija tagħhom f’Malta, għaliex din il-proċedura għada illegali f’pajjiżna. Engerer qal li ma jistgħax jiġi rrepetut iż-żmien meta biex tgawdi minn libertà ċivili bħal din, trid tkun taffordja tmur barra l-pajjiż għaliha. “Mhux kulħadd jaffordja jgħix għall-iktar minn xahar barra l-pajjiż, bl-ispejjeż kollha li dan iġib miegħu. Il-libertajiet ċivili għandhom ikunu available kemm għall-fqir kif ukoll għall-għani, b’regolamentazzjoni li tagħmel sens u li tissalvagwardja l-interessi tal-partijiet kollha”, saħaq Cyrus Engerer.
Engerer għamel referenza ukoll għal żewġ proposti fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Qal li jħares ‘l quddiem li dawn jiġu implimentati fl-iqsar żmien possibbli. L-ewwel nett, kemm jista’ jkun malajr għandha titneħħa l-projbizzjoni minn fuq rġiel gay milli jgħatu r-rigal tad-demm. Hu spjega li kif qal il-Kumissarju Ewropew għas-saħħa, kif ukoll il-World Health Organisation, il-projbizzjoni ma għandiex tkun abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali, iżda waħda dwar l-imġieba sesswali tal-individwu. Apparti minn hekk, tkellem dwar il-proġett pilota mwiegħed f’pajjiżna dwar it-tilqim, permezz tal-PrEP mill-virus tal-HIV. Hu saħaq li dan il-proġett għandu jibda mill-iktar fis possibbli, hekk kif f’pajjiżi oħra qed iħalli riżultati bla preċedenti. Fuq kollox, saħaq Engerer “irridu naħdmu biex titneħħa l-perċezzjoni negattiva, l-istigma u d-diskriminazzjoni fuq persuni HIV+ f’pajjiżna”. Kien hawnhekk fejn Engerer faħħar l-inizjattivi tal-għaqda ARC kif ukoll tal-Marcy Foundation fil-ġlieda tagħhom kontra l-istigma fuq persuni HIV+. Ħeġġeġ lil kulħadd biex isegwi l-attività mtella’ mill-għaqda ARC nhar it-Tnejn 4 ta’ Marzu f’dan ir-rigward.
F’diskors li għamlet il-Ministru tal-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, l-Ministru Helena Dalli qalet li temmen fl-abilitajiet ta’ Cyrus Engerer biex jirrappreżenta l-poplu Malti u Għawdxi fil-Parlament Ewropew mhux għax sempliċiment temminhom, iżda għaliex esperjenzathom. Hi tkellmet fuq ix-xogħol tagħha flimkien ma’ Cyrus fuq l-ugwaljanza, hekk kif kienet appuntatu bħala l-ewwel ċerpersin tal-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ f’Malta, kif ukoll dwar ix-xogħol li għamlu flimkien fi Brussell waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u fil-perjodu ta’ wara. “id-drive, din il-ħeġġa, u din l-istamina li għandu Cyrus hija importanti ħafna biex jirrappreżentana bħala Membru Parlamentari Ewropew, għax għandna bżonn nies li għandhom din l-istamina”, temmet tgħid Helena Dalli.