Ġie ffirmat memorandum of understanding bejn il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u l-Awtorità għall-Kura Soċjali u l-Istandards, bil-ftehim ikun immirat biex isaħħaħ l-koperazzjoni u l-iskambju t’informazzjoni fis-settur tas-servizzi tal-ħarsien soċjali u tad-diżabilità.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li dan huwa l-aktar gvern fl-istorja tal-pajjiż li ta vuċi soda lil persuni b’diżabilità, u li dan hu rifless primarjament f’aktar persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol, policies biex employersiħaddmu persuni b’diżabilità, twessigħ fil-Barthel Index biex aktar nies jieħdu l-benefiċċji, aktar aċċessibilità u ħidma ffukata li verament toħloq soċjetà inklussiva.
Il-Ministru Falzon qal li għalkemm dan il-ftehim jippermeti skambju t’informazzjoni, xorta waħda ż-żewġ naħat se jibqgħu obbligati li jirrispetaw b’mod professjonali l-privatezza u l-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis saħaq fuq kif it-tliet settijiet ta’ standards soċjali regolatorji fis-settur tad-diżabilità huma eżempju tajjeb ta’ kif il-kollaborazzjoni tista’ twassal għal riżultati pożittivi. Huwa kompla jelenka fuq l-importanza li naħdmu flimkien fl-interess tal-benefiċjarji li jagħmlu użu mis-servizzi soċjali f’pajjiżna.
Dan il-MoU kien iffirmat mill-Kap Eżekuttiv tas-Social Care Standards Authority (SCSA) Matthew Vella, u l-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna, li lkoll saħqu kif din ir-relazzjoni se tkun qed tobbliga bil-liġi li tissorvelja u tissalvagwardja d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilita, u li fl-istess waqt jsiru investigazzjonijiet fejn jidħlu standards maħruġa mill-istess awtorità. Din il-koperazzjoni se tnaqqas il-burokrazija u ssaħħaħ id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Is-CRPD ser tkun ukoll qed tħarreġ il-ħaddiema tas-SCSA fuq is-suġġett tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.