Il-gazzetta KullĦadd titkellem dwar il-kandidatura ta’ David Stellini għall-Parlament Ewropew u tikkonferma dak li żvelat xhur ilu.
Konna għedna li l-Partit Nazzjonalista kellu bżonn kandidati minn Għawdex iżda lill-Kap Nazzjonalista kulħadd qallu le.
Għalhekk dawk ta’ madwar Adrian Delia bdew iħeġġuh javviċina lid-Deputat David Stellini u jikkonvinċi lilu biex joħroġ.
Dan għax kulħadd fil-Partit Nazzjonalista jaf li Stellini mhux xi ferħan se jtir bl-irwol li għandu f’pajjiżna.
Iżda, Adrian Delia ma riedx. Tant li anke jekk din il-qasba ċaqċqet fis-sajf li għadda baqa’ jittama li jsib lil xi ħadd ieħor minfloku.
Għal dan l-irwol, li kien diġà ċaħad Chris Said, il-Partit Nazzjonalista avviċina diversi persuni.
Fosthom avukati stabbiliti u persuni li ilhom snin attivi fil-Partit Nazzjonalista.
Iżda, lil Delia kulħadd qallu le.
90 jum qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Delia ma setax jibqa’ mingħajr kandidati minn Għawdex meta l-Partit Laburista għandu tlieta u għalhekk kellu jagħmel li ma riedx u avviċina lil David Stellini.
Stellini ma qalx le għall-prospett li jerġa’ jmur lura Brussell anke jekk tilef ħafna xhur ta’ kampanja sforz it-tama ta’ Delia u ta’ madwaru li jinstab xi isem ieħor.
Issa Stellini beda jikkampanja sew bit-tama li sentejn wara li ġie Malta jerġa’ jdabbar.
Dan b’dispjaċir għall-klikka ta’ Delia għax bi Stellini, Delia għandu alleat fil-Partit Nazzjonalista tant li anke fl-iktar mumenti diffiċli sabu jaqbeż għalih.
Għax għamel dan, Stellini spiċċa attakkat indirettament minn deputati oħra bħal Jason Azzopardi.